Qorti
€6,000 għal mara li twaqqfet mix-xogħol minħabba l-età

It-Tribunal Industrijali ordna kumpanija tagħti kumpens ta’ €6,000 lil mara ta’ 72 sena wara li kkonkluda li kisret il-liġi meta waqqfitha mix-xogħol minħabba l-età.

Maria Carmela Tonna fetħet il-kawża fit-Tribunal Industrijali kontra l-kumpanija Jasmine Nursing Home Limited li tmexxi dar għall-anzjani.

Tonna daħlet taħdem mal-kumpanija bħala ‘kitchen helper’ fl-2014 meta kellha madwar 65 sena.

Hija lmentat li fl-1 ta’ April 2020 tkeċċiet mix-xogħol minħabba li laħqet l-età tal-pensjoni.

Min-naħa tagħha l-kumpanija qalet li f’Marzu 2020 l-anzjana nfurmatha li minħabba l-Covid ma kinitx se tidħol għax-xogħol aktar sakemm tgħaddi l-pandemija u kien għalhekk li mpjegat persuna oħra minflokha.

Wara li sema’ liż-żewġ naħat, it-Tribunal Industrijali presedut miċ-Ċermen John Bencini rrikonoxxa li dan kien każ bla preċedent għax ġara waqt pandemija li d-dinja ilha ma tara għal għexieren ta’ snin.

Huwa nnota li mill-provi ħareġ li r-relazzjoni bejn il-mara u l-kumpanija kienet eċċellenti u li hija kienet tagħmel xogħolha sew.

Bencini semma kif kien wara li rċeviet ittra mingħand is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, fejn ġiet infurmata li minħabba l-età kienet meqjusa bħala persuna vulnerabbli, li l-mara ddeċidiet li tieqaf sakemm tgħaddi l-pandemija.

Huwa sostna li l-kumpanija setgħet solviet din il-problema b’mod sodisfaċenti għaż-żewġ naħat u ma kellhiex għalfejn twaqqfilha l-impjieg.

Kien għalhekk li waqt li kkonkluda li t-tmiem tal-impjieg tal-mara kienet “inġust u mhux skont il-liġi” ordna lill-kumpanija tagħtiha kumpens ta’ €6,000.

F’din il-kawża l-mara kellha jassistiha lill-Avukat Matthew Cutajar waqt li l-Avukat Matthew Bondin deher għall-kumpanija.