Qorti
€6,000 multa talli daħlet fil-Facebook ta’ żewġha, biddlet il-‘password’ u niżżlet xi ritratti

Mara ta’ 38 sena minn Ħal Qormi kienet immultata €6,000 wara li nstabet ħatja li daħlet fil-profil tal-Facebook tal-eks-raġel tagħha u niżżlet ritratti tiegħu mas-sieħba fosthom wieħed fejn din tidher b’sidirha barra.

Il-mara kienet mixlija li wettqet dan ir-reat fis-7 ta’ Marzu 2017 u fil-jiem, ġimgħat, xhur u snin ta’ qabel.

Ir-raġel induna b’dak li ġara meta mar jiġbor kopja ta’ digriet dwar il-kawża tas-separazzjoni li għaddejjin minnu u sab li martu kienet għaddiet ċertu informazzjoni kemm lill-Qorti kif ukoll lill-membri tal-familja tagħha.

L-informazzjoni u r-ritratti ttieħdu minn ‘chat’ privata bejnu u bejn is-sieħba tiegħu.

Mill-provi li tressqu quddiem il-Maġistrat Nadine Lia rriżulta li l-mara daħlet fil-profil tal-Facebook tar-raġel u bidlitlu l-‘password’ għal waħda li kien fiha ismu u offiża lejh warajha.

Wara li bidlitlu l-‘password’ hija anke ċemplitlu u bdiet tgħajjru u toffendih waqt li anke marret għand id-dar tal-ġenituri tiegħu u lil ommu wrietha ritratt tas-sieħba b’sidirha barra.

Is-sieħba tar-raġel ħafret lill-mara tiegħu bil-Maġistrat Lia tgħid li l-użu tar-ritratt imsemmi quddiem il-Qorti tal-Familja kellu jiġi ċċensurat.

Kien għalhekk li sabet lill-mara ħatja mmultata €6,000 b’rabta ma’ dan il-każ li kien investigat mill-Ispettur Jeffrey Scicluna.