Lokali
€8 miljun mill-NDSF għall-proġett ta’ Hospice biex toffri l-aqwa kura paljattiva f’Santa Venera

Hospice Malta tinsab pass ferm eqreb li jkollha faċilità state of the art li permezz tagħha se tkun tista’ toffri l-ewwel kura tax-xorta tagħha lil pazjenti bil-kanċer li ma jkunux jistgħu jibqgħu jgħixu f’darhom u ma jkunux għadhom qed jingħataw kura mill-isptar.

Dan wara li Hospice Matla ffirmat ftehim mal-Gvern li se jagħtiha donazzjoni ta’ €8 miljun mill-Fond Soċjali u ta’ Żvilupp Nazzjonali, l-NDSF li huwa ffinanzjat mill-Programm ta’ Residenza b’Investiment li tista’ twassal għal ċittadinanza.

Iċ-Chairperson ta’ Hospice Malta Bernardette Bonnici Kind qalet li bis-saħħa ta’ din l-għajnuna finanzjarja, dak li kien l-istitut Adelide Cini se jinbidel f’St Michael Hospice li permezz tiegħu se tiżdied il-kura paljattiva fil-komunità.

Il-faċilità se jkollha 16-il kamra għall-pazjenti li jkunu jeħtieġu kura paljattiva lejn tmiem ħajjithom. Qalet li l-proġett miexi sew u se jkun miftuħ is-sena d-dieħla.

“Illum qed nirċievu għotja wisq ġeneruża u meħtieġa biex niffinanzjaw dan il-proġett ambizzjuż”, qalet Bonnici Kind waqt li tat ħajr lill-Knisja li pprovdiet il-binja u lil diversi entitajiet u individwi li taw id-donazzjonijiet tagħhom għal dan il-proġett.

Hija qalet ukoll li dan il-proġett jista’ jsir realtà dalwaqt permezz tal-ħidma li għamel il-Prim Ministru biex dan il-proġett jirċievi dawn il-fondi mill-NDSF.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li b’dan il-ftehim, il-Gvern qed jibni pajjiż fejn għaqdiet mhux governattivi bħalma huma Hospice Malta jistgħu jduru fuq il-Gvern għall-għajnuna.

Qal li b’dan il-ftehim, il-Gvern qiegħed jappoġġja l-ħidma imprezzabbli li l-Hospice tagħmel ma’1,300 familja li ta’ kull sena jkunu jeħtieġu kura paljattiva.

Dr Abela nnota li dan is-servizz se jiġi offrut f’ambjent state of the art u se jbiddel il-kura paljattiva minn kif nafuha llum.

“Fond li minnu qed ninvestu €8 miljun li kien kruċjali biex dan il-proġett seta’ jimmaterjalizza. Din hi Malta li nemmen fiha. Għal kull familja jiġu mumenti ta’ diffikultà u fil-mument tal-bżonn dawk il-familji rrid li jsibu gvern bir-riżorsi u bieb miftuħ li malli tħabbat fuqu jinfetaħ għall-għajnuna”, qal il-Prim Ministru.

Dr Abela qal li l-iffirmar tal-MOU jingħaqad ma’ sensiela ta’ proġetti soċjali oħrajn li qed jitwettqu permezz tal-NDSF, fosthom il-proġett ta’ Puttinu Cares b’investiment ta’ €5 miljun u l-porġett ta’ akkomodazzjoni soċjali b’nefqa ta’ €60 miljun.

Il-Prim Ministru temm jgħid li dan il-ftehim huwa eżempju qawwi ta’ kif il-Gvern qed jaħdem ma’ diversi għaqdiet mhux governattivi u ħeġġiġhom biex jibqgħu joħolmu u jersqu bl-ideat u bi proġetti bħal dak li ġie ssiġillat illum.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat qal li l-ftehim tal-lum huwa turija ċara li l-ġid li qed jinħoloq qed jasal fil-komunità tagħna.

Qal li kieku l-NDSF m’għaddiex dawn it-€8 miljun, Hospice Malta ma kinitx tkun f’qagħda li tniedi x-xogħlijiet. Qal li dan il-ftehim imur lil hinn mill-flus, izda jirrikonoxxi wkoll li l-bniedem ħaqqu jkollu l-ħtiġijiet kollha materjali, psikoloġiċi u spiritwali fl-aktar mumenti diffiċli ta’ ħajtu 24 siegħa kuljum, f’ambjent kalm u li jirrispetta l-ħajja sal-aħħar.

Huwa temm jgħid li dan il-proġett jinkwadra fil-vizjoni tal-NDSF li waqt li jattira investiment dirett barrani fl-istess waqt jassisti fi proġetti nazzjonali li huma immirati li jsaħħu ċ-ċittadini tagħna.

Il-ftehim ġie ffirmat miċ-Chairperson ta’ Hospice Malta Bernardette Bonnici Kind, mill-Kap Eżekuttiv Dr Oriella De Giovanna u mill-Kap Eżekuttiv tal-NDSF Dr Raymond Ellul.