Politika
Ebda esponent tal-PL ma jikkonferma li se jikkontesta l-elezzjoni għall-mexxej ġdid

L-ebda esponent tal-Partit Laburista kkuntatjat minn TVM f’dan l-istadju ma kkonferma li se jikkontesta l-elezzjoni għall-mexxej ġdid minflok il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg qal li bħalissa mhux iż-żmien li wieħed jaqbad jgħid jekk hux se jikkontesta. Qal li bħalissa jeħtieġ issir ħidma biex tinżamm l-għaqda fil-partit u se jara kif jista jikkontribwixxi biex l-għaqda fil-partit u fil-pajjiż tinżamm.

Id-deputat Laburista Robert Abela qal li qed jara x’inhuma l-aħjar interessi tal-Partit Laburista u x’inhi s-sejħa tal-Partit għalih. Żied li d-deċizjoni se jeħodha bl-interess tal-Partit fuq quddiem.

L-ewroparlamentari Miriam Dalli qalet li għadha ma ddeċidietx jekk hix se tikkontesta ghat-tmexxija tal-partit. Dr Dalli qalet li kull decizjoni li se tieħu se tkun fl-interess nazzjonali, kif ukoll tal-Partit.

Id-deputati Mexxejja u Ministri Chris Fearne u Chris Cardona, l-Ministru Owen Bonniċi, u d-deputat Konrad Mizzi ma tawx tweġiba.

Skont l-istatut tal-Partit Laburista, kull membru tal-Partit jista jikkontesta għall-kariga ta’ Mexxej tal-Partit. Dan bil-kontra għall-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affariiet tal-Parlament, li għaliha l-Membri Parlamentari biss huma eleġibbli biex jikkontestaw.

L-istatut jgħid li n-nominazzjonijiet jiftħu tal-inqas sebat ijiem qabel u jagħlqu tal-inqas ħamest ijiem qabel id-data tal-elezzjoni li jiffissa l-Eżekuttiv Nazzjonali tal-partit Laburista. F’każ li jikkontestaw aktar minn żewġ kandidati għadha tissejjaħ Konferenza Ġenerali biex tagħżel tnejn minnhom. Iż-żewġ kontestanti li jġibu l-aktar voti fil-Konferenza Ġenerali, jitressqu għall-elezzjoni fil-Kungress tal-Partit.

Skont l-istatut, li ġie aġġornat fl-2017, il-Mexxej tal-Partit jinħatar mill-Kungress tal-Partit Laburista, li huwa magħmul mid-Delegati tal-Konferenza Ġenerali; Uffiċjali u Membri tal-Kumitati; is-Sezzjoni Kunsilliera; il-Forum Kandidati u mit-tesserati li jkunu ilhom mill-inqas ħames snin regolari fil-ħlas tas-shubija tagħhom.

Aħbarijiet Oħra
Politika

L-Ispeaker tal-Parlament, Anġlu Farrugia, qal li l-membri tal-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi ma setgħux jagħmlu mistoqsijiet dwar il-kuntratt mogħti mill-Awtorità tat-Turiżmu lid-Deputat Laburista Konrad Mizzi, qabel ma l-kontijiet awditjati tal-istess awtorità…

Saħħa

Id-Deputat Prim Ministru u Minsitru għas-Saħħa, Chris Fearne, ta rendikont tal-ħidma prekawzjonali li ttieħdet mill-awtoritajiet tas-saħħa kontra l-Coronavirus, waqt li tenna li s’issa Malta m’għandha l-ebda każ ta’ Covid-19. Il-Ministru…

Politika

L-Unjoni Ewropea qablet li torganizza missjoni militari mill-baħar u mill-ajru fil-lvant tal-Mediterran fi sforz biex twaqqaf it-traffikar tal-armi bejn ġellieda u milizji rivali fil-Libja. Dan ser isir biex ma jkomplix…

Edukazzjoni

Il-Malta Trust Foundation, li twaqqfet mill-President Emeritu Marie Louise Coliera Preca, ser testendi s-servizz tal-counselling fl-iskejjel fl-iskola medja ta’ Maria Reġina fin-Naxxar, bħala parti mill-proġett Blossom. Il-fondazzjoni kisbet finanzjament ta’…

Aktar