Lokali
Ebda indikazzjoni ta’ konfoffa bejn id-ditta legali Chetcuti Cauchi u s-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli – ir-Regolatur

Ir-Regolatur tal-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment, Carmel Degabriele, ikkonkluda li m’hemm l-ebda indikazzjoni ta’ konfoffa bejn id-ditta legali Chetcuti Cauchi u s-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli wara l-allegazzjonijiet li saru fuq stazzjon televiżiv Franċiż f’servizz estensiv dwar il-Programm Malti taċ-Ċittadinanza b’Investiment.

Fir-rapport is-Sur Degabriele wera l-fehma li l-allegazzjonijiet li saru mill-Avukat Chetcuti poġġew f’dawl ikrah il-Programm taċ-Ċittadinanza u mmalafamaw lill-Prim Ministru, lill-Ministru għall-Ġustizzja u lis-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza. Huwa għamel ukoll rakkomandazzjoni biex il-programm ikompli jitjieb.

Il-Gvern ippubblika r-rapport sħiħ li sar mir-Regolatur wara talba biex ikunu investigati l-allegazzjonijiet li saru fuq stazzjon televiżiv Franċiż dwar il-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment. It-talba għal investigazzjoni saret fit-23 ta’ Settembru meta ġew sospiżi l-liċenzji tad-ditta legali Chetcuti Cauchi bħala aġent tal-IIP.

Fir-rapport, ir-Regolatur tal-Programm, Carmel Degabriele, qal li mill-investigazzjoni li għamel jirriżulta li ma kien hemm l-ebda konfoffa bejn id-ditta legali Chetcuti Cauchi u s-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli. Ir-rapport jgħid li d-ditta legali Chetcuti Cauchi fl-ebda punt ma rċeviet trattament preferenzjali mindu beda jitħaddem dan il-programm. Intqal li d-dikjarazzjoni tal-Avukat Jean Chetcuti, li d-ditta tiegħu hija l-uniku waħda b’rata ta’ suċċess ta’ 100%, mhijiex korretta għax 16% tal-applikazzjonijiet tiegħu ġew miċħuda.

Fir-rapport ta’ 12-il paġna, ir-Regolatur qal li ma jirriżultax li l-aġent ippreżenta applikazzjonijiet ta’ persuni b’rekord kriminali. Ir-rapport jgħid li mill-applikazzjonijiet kollha li ġew ippreżentati, inkluż dawk ta’ aġenti oħrajn, kien hemm każ wieħed biss ta’ persuna li kellha rekord kriminali. Din l-applikazzjoni ma saritx mid-ditta legali Chetcuti Cauchi u ġiet miċħuda mill-ewwel.

Is-Sur Degabriele qal li mill-investigazzjoni jirriżulta li l-allegazzjonijiet li saru mill-preżentatur tal-programm Franċiż mhumiex veritieri u l-Avukat Chetcuti jista’ jiġi mixli li xerred tagħrif qarrieqi għal raġunijiet li jafhom hu biss. Is-Sur Degabriele wera l-fehma li l-allegazzjonijiet li saru mill-Avukat Chetcuti poġġew f’dawl ikrah il-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment u mmalafamaw bil-kbir lill-Prim Ministru, lill-Ministru għall-Ġustizzja u lis-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza.

Ir-Regolatur ressaq għadd ta’ rakkomandazzjonijiet biex jitjiebu l-proċessi tal-applikazzjonijiet bl-għan li jitneħħew dubji fuq il-kredibilità tal-proċess tal-IIP. Huwa ppropona li l-Aġenzija tal-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment għandha tinvesti f’sistema tal-informatika biex fost oħrajn ittejjeb is-sigurtà u tal-akkontabbilità u kull bidla li ssir fl-applikazzjonijiet, tkun irrekordjata.

Ippropona wkoll tibdil fil-liġi bl-għan li jitneħħew il-lakuni fil-liġi ħalli persuni b’rekords kriminali qatt ma jkunu jistgħu jsiru ċittadini Maltin bl-IIP. Żied jirrakkomanda t-twaqqif ta’ network bejn l-awtoritajiet tal-istati li joperaw programmi ta’ ċittadinanza b’investiment bl-għan li jkun hemm qsim ta’ informazzjoni bejniethom. Ir-Regolatur jipproponi wkoll li biex jitneħħa kull dubju li jista’ jkun hemm xi konfoffa bejn l-Aġenzija u l-aġenti tal-iskema, l-irwoli ta’ ħruġ u r-revokar ta’ liċenzji għandhom isiru minn terzi, li b’mod indipendenti jevalwaw kull aġent liċenzjat u jiddeċiedu jekk il-liċenzji għandhomx ikunu rrevokati jew imġedda.

B’reazzjoni għar-rapport, il-Partit Nazzjonalista permezz tal-kelliem tiegħu Karol Aquilina reġa’ talab biex il-programm taċ-ċittadinanza jiġi sospiż għax qed jagħmel ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta. Dr Aquilina qal li r-rapport tar-Regolatur ma ċaħadx dak li ġie żvelat mill-ġurnalisti Franċiżi, li d-ditta legali nvoluta fil-bejgħ tal-passaporti nqabdet tiftaħar li għandha rabtiet u influwenza ma membri tal-Gvern. Qal li dan jammonta għal reat ta’ trading in influence.

Ir-rapport tar-Regolatur, qal Dr Aquilina, lanqas ċaħad fost oħrajn li din id-ditta legali ngħatat trattament preferenzjali mill-gvern saħansitra b’reklami li ġew iffilmjati fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u li persuni li xtraw iċ-ċittadinanza Maltija qegħdin jaffaċċjaw akkużi serji ta’ reati kriminali fosthom ta’ frodi u ħasil ta’ flus.

Min-naħa l-oħra, il-Partit Laburista qal fi stqarrija li r-rapport tar-regolatur ġab fix-xejn l-allegazzjonijiet tal-Partit Nazzjonalista dwar il-programm taċ-ċittadinanza b’investiment.

Qal li kuntrarju għal dak li provaw jallegaw kelliema Nazzjonalisti, ir-regolatur wera bil-provi li ma kien hemm ebda ndħil politiku fil-proċessi ta’ applikazzjonijiet tal-IIP.

Il-Partit Laburista ikkwota siltiet mir-rapport tar-regolatur fosthom li l-ebda persuna b’kondotta kriminali ma kellha applikazzjoni approvata. Żied jgħid li l-Partit Nazzjonalista huwa interessat biss li jkisser programm li jġib l-investiment lejn Malta u li bħalu hemm f’pajjiżi oħra.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-President George Vella ħabbar li r-raba’ edizzjoni ta’ B’Tal-Linja għall-Istrina se ssir nhar is-Sibt 14 ta’ Diċembru. In-nollijiet tal-ewwel vjaġġi li jagħmlu l-passiġġiera fuq kwalunkwe rotta tal-korozzi tal-linja se jingħataw bħala donazzjoni lill-Malta…

Xogħol

L-aħħar ċifri dwar l-impjiegi juru li sa Lulju li għadda, il-ħaddiema fis-suq tax-xogħol kienu jgħoddu ftit aktar minn 221,000 ruħ. Ċifri ta’ Jobsplus maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li fuq…

Lokali

Il-President tal-Parlament Ewropew, David Sassoli kiteb lill-mexxejja Ewropej li llum waranofsinhar u għada se jiltaqgħu għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fi Brussell biex jieħdu pożizzjoni fuq Malta u jassiguraw li l-valuri Ewropej…

Lokali

Il-Ministru Owen Bonnici qal li jħossu ttradut jekk hu minnu li Yorgen Fenech qal lil Melvic Theuma li kien hemm laqgħa bejn il-Prim Ministru, il-Ministru Bonnici u Keith Schembri. Dan…

Aktar