COVID-19
Ebda każ ġdid tal-COVID-19 f’Malta, ifiqu 2 persuni

Fit-tieni jum tan-normalità ġdida wara t-tneħħija tal-emerġenza tas-saħħa, l-awtoritajiet tas-saħħa komplew joħorġu aħbarijiet tajbin fit-trazzin tal-virus tal-Covid-19. Iżda fl-istess ħin wissew li din is-sitwazzjoni stabbli tista’ tkompli jekk jiġu segwiti l-miżuri ta’ mitagazzjoni kontra l-virus li għadu attiv u jibqa’ attiv sakemm jinstab vaċċin għalih.

Minbarra li ma sabu ebda każ ġdid ta’ Coronavirus minn 892 swab test l-awtoritajiet tas-saħħa kkonfermaw li fiequ żewġ persuni oħra li kellhom il-virus. B’hekk, il-każi attivi niżlu għal 13.

Stqarrew li s-sitwazzjoni tal-COVID-19 f’Malta issa tidher li hija taħt kontroll wara li għal diversi ġranet ġew irrapurtati ftit jew ebda każijiet ġodda. Qalu li kien f’dan l-isfond li tneħħija tal-biċċa l-kbira tal-miżuri preventivi fil-komunità, inkluż il-ftuħ gradwali tal-ajruport u tal-port għall-ivvjaġġar.

Żiedu jgħidu iżda li l-pandemija ma ntemmitx u mhux se tintemm sakemm ikun hemm vaċċin għaliha. Spjegaw li l-virus għadu qed jiċċirkola fil-komunità, kemm lokalment kif ukoll barra mill-pajjiż u l-possibbiltajiet ta’ trażmissjoni tal-virus minn persuna għal oħra tizdied iktar ma persuna tkun esposta fit-tul u mill-qribn ma persuna li jista’ jkollha l-virus.

Għalhekk saħqu li l-aktar miżuri effettivi fil-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjoni tal-COVID-19 huma msejsa fuq ili tinżamm id-distanza soċjali, l-iġjene u l-ilbies tal-maskri jew visors. Appellaw biex jiġu segwiti dawn il-prinċipji minn kulħadd biex jiġi żgurat li s-sitwazzjoni tal-COVID-19 f’Malta tibqa’ stabbli.

L-awtoritajiet tas-saħħa qalu li bit-tneħħija tal-miżuri inkluż il-ftuħ għall-ivvjaġġar internazzjonali, l-osservanza ta’ dawn il-miżuri ta’ mitigazzjoni huma essenzjali biex nżommu lil Malta u lill-pubbliku sigur mill-COVID-19.