Saħħa
Ebda każ suspettat tal-Coronavirus f’Malta

Il-coronavirus daħal fl-Ewropa. L-ewwel tliet każi kienu konfermati fi Franza, b’żewġ pazjenti jinsabu fi sptar f’Pariġi u ieħor fil-belt ta’ Bordeaux. Tnejn mill-pazjenti jiġu minn xulxin.

Il-virologu, Christopher Barbara, li jispeċjalizza fil-mard infettiv, spjega lil TVM li kien mistenni li dan il-virus ġdid jidħol fl-Ewropa. Żied jgħid li l-fatt li ġew identifikati każi fl-Ewropa juri l-miżuri li qed jittieħdu qed jaħdmu.

“Għax aħna nużaw l-istess gwida qiegħda taħdem, li t-testijiet biex naqbduhom dawk il-każijiet qed jaħdmu allura ħana qegħdin iktar moħħna mistrieħ li dan il-protokoll li qed nużaw qed jaħdem.”

Dr Barbara qal li f’Malta m’hawn l-ebda każ ta’ coronavirus, lanqas każi suspettati. Dan iżda ma jfissirx li mhux jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa kemm fil-laboratorju kif ukoll għall-eventwalità li jfeġġ xi każ.

“Għandna kuntatt anke ma’ pajjiżi barranin biex jekk ikollna bżonn laboratorju ieħor anke nkunu nistgħu nużawh però wkoll għandna l-protokoll x’nużaw ta’ iżolazzjoni u kwarantina f’każ li jkollna bżonn indaħħlu lil xi ħadd l-isptar. Importanti din il-persuna jekk ikollha xi suspett dejjem iċempel lid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika u mhux tmur ġewwa ċentru tas-saħħa jew ġol-isptar għax dan jittieħed bil-qtar u ma rridux inxerrduh.”

Dr Barbara rrimarka li s-sintomi tal-coronavirus jixbħu lil dawk tal-influwenza u għalhekk għandhom jittieħdu l-istess miżuri biex ma jinxteridx.

“Jiġifieri dak li jkun irid iżomm l-iġeni pubblika, il-ħasil tal-idejn, jgħatti ħalqu meta jkun se jagħtas, it-tissues narmuhom fil-post kif suppost.”

L-Awtoritajiet tas-Saħħa qed javżaw biex min se jsiefer jevita li jmur fi swieq u f’postijiet fejn ikun hemm annimali ħajjin jew mejtin, jevita l-kuntatt ma’ persuni morda, speċjalment b’sintomi respiratorji, jaħsel idejh spiss, ikun żgur li l-ikel hu maħsul sew u jevita kull kuntatt mal-annimali u l-ħmieġ tagħhom. Persuni li jesperjenzaw problemi biex jieħdu n-nifs fi żmien ġimagħtejn wara li jkunu żaru l-belt ta’ Wuhan għandhom ikellmu wkoll lit-tabib tagħhom u jagħmlu kuntatt mat-Taqsima tal-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard Infettiv.

Fiċ-Ċina, telgħu għal 41 l-għadd tal-persuni li mietu minħabba l-coronavirus, fosthom tabib li kien qed jikkura l-pazjenti fl-isptar ta’ Wuhan – il-belt fejn feġġ dan il-virus. Kwżai elf u erba’ mitt persuna f’din il-belt instab li għandhom dan il-virus. Qed ikun rappurtat li se jinbena t-tieni sptar ta’ emerġenza għal elf u tliet mitt pazjent, li mistenni jkun lest f’inqas minn xahar. Bħalissa għaddej ix-xogħol fuq sptar ieħor ta’ emerġenza li se jkun fih elf sodda.

Il-virus infirex ukoll fl-Awstralja fejn ġew konfermati l-ewwel erba’ każi u hemm każi fl-Amerika wkoll. L-Organizazzjoni Dinjija tas-Saħħa ma kklassfikatx il-virus bħala emerġenza internazzjoni, minħabba l-għadd baxx ta’ każi barra ċ-Ċina.