Lokali
Ebda mara tqila bil-Covid-19 jew tarbija ma kellhom bżonn ventilazzjoni f’Mater Dei

Il-Kap tad-Dipartiment tal-Obstetrija u l-Ġinekoloġija fl-Isptar Mater Dei, Yves Muscat Baron, qal li l-missirijiet jistgħu jidħlu jagħtu sostenn lill-omm sakemm titwieled it-tarbija. Saħaq li l-unika bidla waqt il-Covid hija li l-missier jista’ jżur lill-omm u lit-tarbija fl-isptar siegħa biss kuljum filgħaxija.

Fil-programm TVAM, il-Professur Muscat Baron qal li l-miżuri qed jittiedu biex jipproteġu saħħet l-ommijiet, u b’mod partikolari wkoll saħħet it-trabi, biex jiġu evitati sitwazzjonijiet li qal ġraw barra minn Malta fejn mietu ommijiet u trabi spiċċaw fuq il-ventilatur.

Għall-awtoritajiet tal-isptar Mater Dei, saħħet l-ommijiet u t-trabi qed tingħata prijorità assoluta waqt dan il-perjodu tal-Covid.

Il-Kap tad-Dipartiment tal-Obstetrija u l-Ġinekoloġija fl-Isptar Mater Dei, Yves Muscat Baron, fil-programm TVAM, qal li wara li f’April tas-sena l-oħra kienu twaqqfu ż-żjarat u l-missirijiet kienu jitħallew jidħlu biss għal 10 minuti ħdejn l-omm waqt il-ħlas. Spjega kif din id-deċiżjoni kienet inbidlet ftit wara u l-missirijiet bdew jitħallew joqogħdu mal-omm sakemm twelled lit-tarbija.

”Aħna ħallejna lil partner joqgħod mal-mara tiegħu mill-bidu sal-aħħar tal-ħlas għax dak l-iżjed żmien li għandha bżonn is-support, meta tibda l-ħlas? meta tibda bil-contractions? Minn meta ikollha l-bidu ta’ uġiegħ u jiġiha xi ilma u demm u aħna nħalluhom magħhom, trid tiftakar li fis-sala tal-ħlas għandna single rooms.”

Il-Professur Muscat Baron qal li wara t-twelid, l-omm u t-tarbija jmorru fi swali fejn ikun hemm 4 sodod u bi prekawzjoni biex ma jkunx hemm ħafna nies fl-istess kamra, kien deċiż li l-missirijiet jitħallew jaraw lill-omm u lit-tarbija siegħa kuljum bejn l-4 u s-6 ta’ filgħaxija.

”Għandna ommijiet u babies mhumiex vaċċinati u dawn trid tipproteġihom ma tridx ikollok sitwazzjoni li inti għandek ċertu incubation u mbagħad ikollok xi outbreak fil-ward hux.”

Il-Professur Muscat Baron qal li minn 45 każ ta’ ommijiet li kellhom il-COVID, kien hemm każijiet fejn uħud minnhom esebixxew sintomi tipiċi tal-Covid, iżda sa issa sostna li ma kienx hawn stejjer bħal dawk li feġġew fl-Ingilterra u l-Amerka.

”Deni u sogħla u daqxejn qtugħ ta nifs imma ma kellniex l-istejjer li rajna u qalulna bihom sħabna mill-Ingilterra u l-Amerka fejn kellna sitwazzjonijiet fejn anki kien hemm ommijiet li mietu u trabi li spiċċaw kellhom bżonn ventilazzjoni u għajnuna.”

Il-Professur Muscat Baron qal li s’issa konna fortunati, bl-awtoritajiet tas-saħħa ma jridux jissograw meta qed jaraw li l-varjant jinxtered iktar malajr u qed iwassal għal żieda fl-ammont ta’ każi ġodda.