Unjoni Ewropea
AĠĠORNAT: Il-PM jgħid li min se jmexxi l-UE jrid jirrifletti d-diversità u l-għaqda Ewropea

Il-mexxejja tal-pajjiżi msieħba fl-Unjoni Ewropea, fosthom il-Prim Ministru Joseph Muscat, ilbieraħ kienu Brussell biex jiddiskutu l-kandidati għall-aktar karigi importanti fl-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fl-isfont tar-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li wasslu biex il-Popolari u s-Soċjalisti tilfu l-maġġoranza waqt li l-Liberali u l-Ħodor żiedu s-siġġijiet.

Fost oħrajn qed ikun rrapurtat li m’hemmx qbil bejn il-Kanċillier Angela Merkel u l-President Franċiż Emmanuel Macron, b’tal-ewwel tappoġġja lill-kandidat ewlieni tal-Partit Popolari Ewropew Manfred Weber billi kien l-aktar partit li kiseb voti fl-elezzjoni tas-Sibt.

Fi tmiem il-laqgħa, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li d-diskussjonijiet kienu produttivi u bilanċjati, filwaqt li żied jgħid li d-deċiżjonijiet dwar min se jmexxi l-UE jridu jittieħdu fl-ispirtu tad-diversità u l-viżjoni li tgħaqqad lil pajjiżi membri.

Għadha twila t-triq biex il-mexxejja Ewropej ta’ 28 stat membru jaqblu fuq il-persuni li għandhom jokkupaw l-ogħla karigi fl-istituzzjonijiet Ewropej fosthom dik ta’ President tal-Kummissjoni Ewropea u l-President tal-Kunsill Ewropew.

Tusk inkarigat mill-konsultazzjonijiet mal-mexxejja Ewropej

F’konferenza tal-aħbarijiet wara l-laqgħa informali fi Brussell li ħadet madwar 3 siegħat, il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk, għamilha ċara li t-Trattat tal-Unjoni Ewropea jisħaq li l-Kunsill Ewropew għandu jipproponi l-ismijiet fl-ogħla karigi fl-istituzzjonijiet Ewropej filwaqt li jeħtieġu l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

Tusk qal li waqt il-laqgħa ma ġewx diskussi ismijiet.  Wiegħed li se jissokta bil-konsultazzjonijiet mal-organi kollha fl-Unjoni Ewropea biex kemm jista’ jkun, ikun hemm kunsens wiesa’ dwar il-persuni nominati.

Dwar l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, Tusk esprima sodisfazzjon li t-turn-out kien l-ogħla f’25 sena.  Tusk temm jgħid li l-elezzjonijiet tas-Sibt li għadda kkonfermaw li l-Unjoni Ewropea hi b’saħħitha għall-isfidi li se joffri l-ġejjieni.

Ara wkoll:

AĠĠORNAT: Il-PM f’laqgħa mal-mexxejja tal-UE dwar ir-riżultati fl-elezzjonijiet tal-PE

In-nisa se jmexxu l-Unjoni Ewropea fil-5 snin li ġejjin?

Aħbarijiet Oħra
Edukazzjoni

Kważi 8,000 student ser jattendu skolasajf din is-sena. Il-Ministru tal-Edukazzjoni Owen Bonnici wera sodisfazzjon li wara l-ħidma li saret, il-ġenituri ħassejhom siguri li jibagħtu lil uliedhom għal Skolasajf li qal…

Lokali

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela ħabbar lis-Sur James Pearsall se jkun qed jiġi maħtur Chairperson tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD). Is-Sur Pearsall ġie nominat mill-Gvern wara konsultazzjoni sħiħa mal-imsieħba…

Lokali

L-Abbozz ta’ liġi dwar l-ugwaljanza li jinsab quddiem il-Parlament mhux jinżel tajjeb ma’ diversi entitajiet reliġjużi għaliex iħossu li dan jista’ joħnoq id-dritt għat-twemmin reliġjuż tagħhom. Fost oħrajn l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel…

Politika

Timothy Alden ħabbar li se jkun qed jikkontesta għall-kariga ta’ mexxej tal-Partit Demokratiku.  Il-laqgħa ġenerali annwali mistennija ssir nhar it-Tnejn li ġej. Fi stqarrija, Alden qal li Malta ilha fi…

Aktar