Lokali
Ebda żblokk biex l-avukati jwaqqfu l-azzjoni li qed jieħdu fil-Qorti ta’ Għawdex

Laqgħa bejn il-Ministru tal-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis, u l-Kamra tal-Avukati Għawdex ma wasslitx biex l-avukati jwaqqfu l-azzjoni li qed jieħdu fil-Qorti ta’ Għawdex iżda tista’ twitti t-triq għal dan.

L-avukati li jipprattikaw fil-Qorti ta’ Għawdex ilhom mill-aħħar ta’ Settembru ma jattendu għas-seduti u qalu li se jibqgħu għaddejjin b’din l-azzjoni kollettiva sakemm jiġu indirizzati bis-serjetà nuqqasijiet li hemm fil-Qorti ta’ Għawdex u li ġew diskussi fil-laqgħa.

Il-Kamra tal-Avukati Għawdex qalet li fil-laqgħa ġew diskussi t-temi prinċipali li jeħtieġ li jiġu indirizzati fosthom in-nuqqas ta’ staff, it-twettieq tal-Liġi dwar l-Imħallef għal Għawdex, u l-bini ta’ Qorti ġdid. L-avukati qalu li l-Ministru wiegħed li se jingħataw struzzjonijiet biex fl-immedjat is-sitwazzjoni titjieb.

Mistoqsi miċ-ċentru tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis qal li fil-jiem li ġejjin se jara li fost oħrajn jibqa’ għaddej l-iscanning tad-dokumenti kollha u se jindirizza l-kwistjoni tan-notifiki biex ikun hemm marixxalli jew uffiċjali li jassigura li n-notifiki jaslu fil-ħin.

Spjega li biż-żmien, fil-Qorti ta’ Għawdex ma’ ġewx sostitwiti impjegati li rtiraw bl-età. Qal, li qed jittieħdu miżuri temporanji fejn uffiċjali u nies mill-Qorti ta’ Malta qed jitilgħu Għawdex, iżda ‘l quddiem iridu jinstabu nies Għawdxin biex jaħdmu fil-Qorti ta’ Għawdex. Qal, li huwa kruċjali li l-Qorti ta’ Għawdex ikun effiċjenti mhux biss għall-avukati u għall-ġudikanti imma wkoll għall-pubbliku.