Unjoni Ewropea
Editorjal ta’ opinjoni minn Nicolas Schmit, il-Kummissarju Ewropew għall-Impjiegi u d-Drittijiet Soċjali

It-tibdil fil-klima, il-qerda tal-ambjent naturali tagħna u l-iżvilupp teknoloġiku qanqlu reazzjoni bla preċedent mill-komunità internazzjonali f’dawn l-aħħar snin. Madankollu, fadal ħafna xi jsir. Hekk kif l-industrija qiegħda tħares ’il quddiem u ssir iktar diġitali u ekoloġika, il-ħajja tax-xogħol ta’ miljuni ta’ Ewropej se tinbidel. Minħabba popolazzjoni li qiegħda tixjieħ u peress li l-istennija tal-ħajja qiegħda togħla, is-sistemi tas-saħħa u tal-protezzjoni soċjali tagħna qegħdin jintlaqtu minn sfidi ġodda.

L-indikaturi soċjali attwali huma pożittivi — ir-rata tal-qgħad qiegħda fl-aktar livell baxx li kienet fl-UE, u f’dawn l-aħħar għaxar snin, 7 miljun ruħ ingħataw ċans ieħor u ma baqgħux jgħixu fil-faqar u jbatu l-esklużjoni soċjali. Madankollu, l-inugwaljanzi għadhom jippersistu u ħafna jsibuha diffiċli biex ilaħħqu mal-ħajja. Mhux it-tfal u ż-żgħażagħ kollha għandhom aċċess għall-edukazzjoni u kura tas-saħħa ta’ kwalità. Għad ma hemmx biżżejjed rappreżentanza tan-nisa fuq il-post tax-xogħol u l-karrieri tagħhom huma ħafna aktar interrotti. Għadna wkoll ’il bogħod ħafna fil-ħidma tagħna biex neliminaw id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa. Dan huwa partikolarment il-każ ta’ Malta li għadha qed tħabbat wiċċha ma’ bosta sfidi fil-każ tal-opportunitajiet indaqs. Id-differenza fl-impijegi bejn is-sessi, li fl-2017 kienet ta’ 24.1 punt perċentwali, tibqa’ waħda mill-akbar fl-UE u hija differenza li qed tkompli tikber.

Bil-Patt Ekoloġiku Ewropew tal-President tal-Kummissjoni, Ursula von der Leyen, l-Ewropa wriet l-ambizzjoni tagħha biex issir l-ewwel kontinent b’newtralità klimatika sal-2050. Din il-bidla, minbarra li se twassal għal opportunitajiet ġodda ta’ negozju, se ġġegħelna nadattaw il-mudelli ta’ produzzjoni tagħna, il-mod ta’ kif nikkonsmaw, kif nivvjaġġaw u x’nieklu. Dan ifisser li rridu noħolqu industriji innovattivi u kompetittivi ġodda, niżviluppaw modi ġodda ta’ kif wieħed jista’ jaqla’ l-ħobża tiegħu ta’ kuljum, u nakkwistaw ħiliet ġodda.

Fl-istess ħin, l-introduzzjoni tal-intelliġenza artifiċjali u tar-robotika tfisser li ħafna impjiegi se jinbidlu u xi wħud jaf anke jisparixxu. Ix-xogħol fuq pjattaforma diġitali u l-ekonomija tal-gigs diġà qed ifixklu ħafna mill-mudelli ta’ negozju. Il-protezzjoni soċjali fid-dinja l-ġdida tax-xogħol għandha tkun garanzija anke, u speċjalment, għal dawk li jaħdmu xogħlijiet prekarji.

Hemm bżonn li tittieħed azzjoni, kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali, biex il-forza tax-xogħol tal-futur tkun tista’ tkompli tiżviluppa. Dawn it-tranżizzjonijiet se jqanqlu opportunitajiet u sfidi ġodda; b’hekk għandna niżguraw li l-ħaddiema kollha tal-UE jkollhom il-mezzi biex jifilħu għal dawn l-opportunitajiet u jkunu jistgħu jegħlbu dawn l-isfidi. L-ekonomija innovattiva u inklussiva tas-suq soċjali tal-futur għandha tkun dwar in-nies — billi tipprovdilhom impjiegi ta’ kwalità li jħallsu paga adegwata. Waqt dawn it-tranżizzjonijiet, huwa importanti ferm li jkun hemm aċċess għall-opportunitajiet ta’ taħriġ mill-ġdid u ta’ titjib tal-ħiliet. L-ebda persuna, l-ebda reġjun, u l-ebda pajjiż ma jista’ jitħalla jaqa’ lura fl-Unjoni tagħna.

Il-Kummissjoni Ewropea l-ġdida, li bdiet il-kariga tagħha f’Diċembru li għadda, diġà għarfet l-oqsma fejn l-azzjoni fil-livell tal-UE se tkun indispensabbli, iżda l-azzjoni tal-UE waħedha mhix biżżejjed. Bil-preżentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali f’Novembru 2017, l-istituzzjonijiet Ewropej u l-mexxejja tal-UE wiegħdu li l-ekwità tkun preżenti fil-ħajja ta’ kuljum. Dawn l-20 dritt u prinċipju jippromwovu opportunitajiet indaqs u xogħol għal kulħadd, kundizzjonijiet tax-xogħol ekwi, protezzjoni soċjali u inklużjoni fil-politiki kollha tagħna. Issa wasal iż-żmien biex mill-wegħda mmorru għall-azzjoni. Il-Kummissjoni Ewropea għadha kemm nediet dibattitu mal-pajjiżi kollha tal-UE, mar-reġjuni u mas-sħab soċjali, fejn titlob lill-partijiet ikkonċernati kollha jaqsmu l-fehma tagħhom dwar it-triq ’il quddiem u tistedinhom iħaddnu viżjoni waħda tal-valuri tal-Pilastru tal-UE. Dan id-dibattitu se jikkontribwixxi għall-preparazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni biex jiġi implimentat il-Pilastru.

Aħna bdejna dan id-dibattitu b’riflessjoni dwar il-possibilità ta’ qafas Ewropew għall-pagi minimi. Il-ħaddiema kollha għandu jkollhom paga ġusta li biha jkunu jistgħu jgħixu ħajja diċenti. Madankollu, ħafna ħaddiema li jaħdmu fl-UE xorta jsibu ruħhom resqin lejn il-faqar. Sabiex innaqqsu din it-tendenza, irridu nsibu bażi komuni li tippromwovi standards għoljin għall-iffissar tal-pagi, li fl-istess ħin tagħti spinta lill-konverġenza ekonomika u soċjali gradwali fl-UE, li tippromwovi sistemi ta’ negozjar kollettivi u tirrispetta l-awtonomija tas-sħab soċjali. Kwalunkwe proposta li ssir għandha tirrifletti l-fatt li l-paga minima għandha tiġi stabbilita skont tradizzjonijiet nazzjonali, permezz ta’ ftehimiet kollettivi jew dispożizzjonijiet legali.

L-avvenimenti li seħħew dan l-aħħar jixhdu li l-isfidi globali huma wisq kbar u ma nistgħux nindirizzawhom waħedna. Dan japplika wkoll għall-futur tas-swieq tax-xogħol u kif dawn isawru Ewropa kompetittiva, sostenibbli u ġusta. Irridu nkomplu naħdmu favur l-ogħla standards, sabiex l-Ewropej kollha jkunu jistgħu jgħixu ħajjithom b’dinjità u b’ambizzjoni.

Tagħrif miġbur minn:

IrRappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta

 

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

80 ħaddiem barrani li nstabu joqogħdu f’lukanda f’Tas-Sliema li suppost hi magħluqa b’avviż ta’ infurzar ġew ordnati mill-Awtorità tat-Turiżmu biex imorru joqogħdu f’post ieħor. Television Malta jinsab infurmat li dawn…

Lokali

Diversi ħaddiema fis-settur tas-saħħa kellhom jieħdu d-deċiżjoni diffiċli biex waqt li jservu fl-isptar fost pazjenti bil-Coronavirus, jinfirdu mill-għeżież tagħhom u jmorru joqgħodu band’ oħra. F’din is-sitwazzjoni, il-fergha taż-Żgħażagħ tal-Azzjoni Kattolika…

COVID-19

Koki li jaħdmu f’diversi ristoranti li jinsabu magħluqa minħabba r-restrizzjonijiet li saru, ma spiċċawx b’idejhom fuq żaqqhom għax xammru l-kmien u b’mod volontarju qed iħejju ikliet bnini għal ħaddiema fost…

COVID-19

It-tliet deputati Nazzjonalisti Għawdxin, Chris Said, Frederick Azzopardi u Kevin Cutajar qalu fi stqarrija li l-miżuri li tħabbru lbieraħ għall-isptar ta’ Għawdex huma fid-direzzjoni t-tajba, anke għax huma fost il-miżuri…

Aktar