Lokali
Issiġillat ftehim li se jippermetti lill-edukaturi biex ikomplu jkattru t-tagħlim tal-istudenti fil-qasam xjentifiku

Edukaturi u studenti se jkomplu jibbenefikaw minn aċċess b’xejn għaċ-ċentru Esplora. Dan se jkun possibbli bl-iffirmar ta’ ftehim fil-prinċipju bejn id-Dipartiment tal-Edukazzjoni u l-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCST.

B’dan il-ftehim, studenti mill-kindergarten, il-livell primarju, studenti sekondarji u żgħażagħ se jkunu qed jieħdu sehem fi programm organizzat mill-Esplora bil-għan li jkompli jitkattar l-interess fis-suġġetti tax-xjenza li jista’ jwittilhom it-triq għal karrieri varji.

Minn xiex huma magħmula l-ilma, l-arja, id-dawl, il-kuluri u d-dinja ta’ madwarna? Domandi li jqanqlu kurżità fi kwalunkwe età partikolarment fi studenti tfal.

Kollaborazzjoni li għandha l-potenzjal issaħħaħ l-għerf tal-istudenti f’dawn is-suġġetti kienet issiġillata bl-iffirmar ta’ ftehim fil-prinċipju bejn il-Kunsill Malti għax-Xjenza, u t-Teknoloġija, l-MCST, u d-Dipartiment tal-Edukazzjoni, li se jippermetti lill-edukaturi biex ikomplu jkattru t-tagħlim tal-istudenti fil-qasam xjentifiku permezz ta’ attivitajiet fiċ-ċentru Esplora.

Minnhom se jibbenefikaw edukaturi u tfal li se jkunu jistgħu jagħmlu żjarat fiċ-ċentru permezz tat-trasport li huwa pprovdut b’xejn.

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-MCST, Jeffrey Pullicino Orlando qal li ċ-ċentru joffri opportunitajiet ta’ tagħlim kreattiv għal kull tifel u tifla, irrispettivament mill-klassi soċjali u ekonomika tagħhom.

Huwa spjega li b’dan il-mod qed jintlaħqu tfal li kienu qed jintilfu mis-sistema, biex qed ikomplu jistudjaw is-suġġetti tax-xjenza, anki f’livelli avvanzati.

“B’sodisfazzjon kbir ngħid li jkollna ħafna rapporti minn teachers li nqisuhom bħala kollegi tagħna, li tfal li forsi għandhom ċertu learning challenges meta jmorru lura fil-klassi tagħhom wara li jkunu għamlu żjara fl-Esplora jieħdu interess iżjed qawwi u profond u ħafna drabi b’mod partikolari fis-suġġetti tax-xjenza, dan huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalina.”

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, Frank Fabri qal li minkejja li l-pandemija ħarbtet ir-rutina normali ta’ tagħlim tat-tfal, kien hemm titjib sostanzjali fir-riżultati li nkisbu minn studenti fl-iskejjel primarji u sekondarji mqabbla ma’ snin imgħoddija, partikolarment fis-suġġetti tax-xjenza. Q

Huwa qal li d-Dipartiment tal-Edukazzjoni qed jara li t-tagħlim tax-xjenza isir ukoll bl-ilsien Malti.

“Ix-xjenza, il-matematika u t-teknoloġija huma meqjusin bħala suġġetti verament bażiċi, fil-fatt aħna kuntenti ħafna li t-tfal Maltin għall-ewwel darba f’assessment tat-TIMS li hu studju internazzjonali, irnexxielhom jagħmlu qabża kbira ħafna, l-ikbar qabża li sar fi studju internazzjonali f’dawn is-suġġetti fejn għall-ewwel darba rajna l-istudenti tal-year 5s jaqbżu l-benchmarks internazzjonali u jżidu 50 punt perċentwali li kważi jaslu mal-benchmark fejn jidħlu x-xjenzi.”

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet li l-edukazzjoni ma tinkisibx biss bit-tagħlim formali fil-klassijiet u tenniet kif iċ-ċentru Esplora qed joffri soluzzjonijiet għal tfal li huma żvantaġġjati biex ikattru l-interess tagħhom fix-xjenza.

Il-Ministru għar-Riċerka u l-Iżvilupp, Owen Bonnici qal li hu importanti li t-tfal jibdew jimirħu f’dawn is-suġġetti minn etajiet bikrija biex jistudjaw suġġetti xjentifiċi u javvanzaw anki wara li jtemmu l-fażi tal-edukazzjoni obbligatorja.