Barranin
Eks gwardjan ta’ 100 sena mixli b’kompliċità fil-qtil ta’ 3,518-il priġunier f’kamp ta’ konċentrament

Ġermaniż ta’ 100 sena beda għaddej ġuri mixli b’kompliċità fil-qtil ta’ 3,518-il priġunier fil-kamp tal-konċentrament ta’ Sachsenhausen viċin Berlin.

Ir-raġel, identifikat bħala Josef S minħabba l-liġi tal-privatezza fil-pajjiż, kellu 21 sena meta fl-1942 daħal bħala gwardjan.

Il-ġuri qed jinstema’ fis-sala tal-isports ġewwa l-ħabs ta’ Brandenburg an der Havel li nbidlet f’awla minħabba raġunijiet ta’ sigurtà.

L-akkużat, li daħal fl-awla f’siġġu tar-roti u jżomm bagalja, qed jiġi akkużat b’kompliċità fil-qtil permezz ta’ tiri ta’ armi tan-nar fil-każ ta’ numru ta’ priġunieri Sovjetiċi kif ukoll ta’ priġunieri oħra bl-użu tal-gass magħruf bħala Zyklon B.

Minbarra priġunieri Sovjetiċi, il-vittmi kienu jinkludi wkoll Lhud, politiċi li kienu jopponu lin-Nażi, persuni gay u nies li bl-armi kienu qed jirreżistu l-ħakma tagħhom.

Fost dawk li attendew l-ewwel seduta tal-ġuri kien hemm Leon Schwarzenbaum li wkoll għandu 100 sena u salva mill-kamp tal-konċentrament fejn irrimarka li kien qed jattendu b’tislima lejn sħabu li mietu.