Qorti
AĠĠORNAT: Ħames eks kunsillieri u sindki fl-AKL mhux ħatja ta’ frodi

Ħames eks sindki u kunsillieri li kienu jagħmlu parti mill-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali ma nstabux ħatja li ffrodaw il-Kumitat tar-Reġjuni tal-Unjoni Ewropea.

Il-ħames membri huma Michael Cohen, Claudette Abela Baldacchino, Joseph Borg, Noel Formosa u Doris Borg.

Magħhom ġew illiberati wkoll Alessandro Oreste li kien Segretarju Eżekuttiv tal-AKL u Paul Cortis li kien General Manager mal-KD Travel Agency.

Huma kienu mixlijin li f’Novembru 2010, u fix-xhur u snin ta’ qabel, iffrodaw lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Gvern Malti.

Kien il-Kumitat tar-Reġjuni li fl-2007 informa lill-OLAF, l-uffiċċju tal-UE li jinvestiga l-frodi, li f’investigazzjoni li għamel identifika dawk li setgħu kienu irregolaritajiet mid-delegazjoni Maltija fit-talbiet għal ħlas lura fuq biljetti tal-ivvjaġġar.

Is-suspett kien li l-prezz kien qed jiġi minfuħ aktar mill-prezz għax ħafna drabi kien qiegħed jintalab ħlas ta’ Lm599 kull biljett.

Uffiċjali mill-OLAF, l-IAID (Internal Audit Investigating Department) u l-Pulizija marru fl-uffiċini tal-KD Travel f’Tas-Sliema, responsabbli mill-ħruġ tal-biljetti, u f’uffiċini tal-AKL biex jinvestigaw.

L-OLAF ippubblika rapport u għaddih lill-Avukat Ġenerali u lill-Pulizija.

Mill-istħarriġ irriżulta li kienu qed jinħarġu żewġ invoices ta’ vjaġġ wieħed, waħda miktuba bl-idejn u l-oħra ġġenerata mill-kompjuter, u din kien ikollha prezz baxx.

Madankollu l-Maġistrat Josette Demicoli, li quddiemha nstemgħu l-kawżi kontra s-seba’ individwi, għamlitha ċara li mill-provi li tressqu rriżulta li huma ma għamlu ebda qligħ personali.

“Dak li kien qed jiġri f’ħafna mill-każijiet kien li fl-invoice manwali kien qiegħed jintalab ammont li ma kienx l-ammont li jkun effettivament tħallas lill-aġenzija tal-ivvjaġġar. Id-differenza fil-prezz kienet tirrappreżenta spejjeż amministrattivi li fl-aħħar mill-aħħar kienu intitolati għalihom”.

Il-Maġistrat Demicoli sostniet li din il-Qorti taqbel li l-ħruġ ta’ żewġ invoices għal titjira waħda, li waħda minnhom kienet tkun bl-idejn mentri l-oħra kompjuterizzata bl-ewwel waħda tkun għal ammont ogħla mill-oħra u li tkun proprju l-invoice manwali li tiġi preżentata għall-ħlas, kienet “messa in xena”.

Kien għalhekk li fuq nuqqas ta’ provi lliberat lis-seba’ akkużati minn kull akkuża miġjuba kontrihom mill-Assistent Kummissarju Ian Abdilla.