Annimali
Eks-suldat Ingliż “jevakwa” mill-Afganistan b’għexieren ta’ klieb u qtates

Paul Farthing, eks suldat Ingliż, irritorna pajjiżu b’madwar 100 kelb u 70 qattus li kien qed iżomm fl-Afganistan.

Farthing waqqaf l-għaqda Nowzad li tieħu ħsieb annimali abbandunati u kien qed jieħu ħsieb xelter għall-annimali fil-kapitali Afgana, Kabul.

Meta t-Talibani ħadu f’idejhom il-pajjiż huwa ried li jieħu l-annimali kif ukoll l-istaff tax-xelter lura r-Renju Unit. Huwa tħalla jieħu l-annimali madankollu t-Talibani ma ħallewx lill-istaff Afgan jitlaq’.

Il-veterinarju Iain McGill, li jaħdem mal-għaqda Nowzad, qal li meta tikkunsidra dak li għaddew minnu l-annimali jinsabu fi stat tajjeb.

L-operazzjoni ta’ salvataġġ ta’ dawn l-annimali qajmet kontroversja fir-Renju Unit hekk kif Farthing kien akkużat li minħabba fih l-attenzjoni kienet qed tkun iffukata fuq is-salvataġġ tal-annimali iktar milli dik tal-bnedmin.

Malli wasal lura l-Ingilterra huwa qal li kellu emozzjonijiet imħallta hekk kif min-naħa kien kuntent li l-annimali kienu salvati imma min-naħa l-oħra l-istaff Afgan inżamm fil-pajjiż.