Qorti
Eks-surġent mixli bi stupru jgħaddi filmat sesswali lill-Pulizija

Eks-pulizija li jinsab mixli bi stupru għadda lill-pulizija li qed jinvestigawh filmat ta’ 12-il sekonda li fih l-allegat vittma tidher tagħmel is-sess orali miegħu.

Dan ħareġ mill-Qorti hekk kif quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella kompliet tinstema l-kumpilazzjoni ta’ Glen Carabott li jinsab mixli bi stupru u fastidju sesswali.

Kien l-Ispettur Michael Vella li xehed dwar il-filmat mgħoddi lilhom minn Carabott waqt li żied kif kien hemm suspett li seta’ ġiet użata d-droga peress li l-vittma kienet magħrufa li tagħmel użu minnha.

Ix-xhud żied li kuntrarjament għall-proċeduri tal-Pulizija Carabott mar waħdu għand il-vittma biex jinvestiga r-rapport li għamlet hi stess dwar serqa li tagħha wkoll kienet il-vittma.

Huwa semma wkoll li l-vittma għadditilhom ’tissue’ u flokk li l-akkużat allegatament mesaħ fihom. Dawn ġew mgħoddija għal testijiet tad-DNA.

Fis-seduta xehdet ukoll li mara li tiġi omm ħabib tal-akkużat fejn din ammettiet li Carabott kellimha waqt li kien miżmum fil-Ħabs. Dan meta hija xhud tal-prosekuzzjoni u għalhekk ma setax ikellimha.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ qed titmexxa mill-Ispettur John Spiteri waqt li l-akkużat għandu jiddefendih lill-Avukati Arthur Azzopardi u Charmaine Cherrett.