Qorti
Eku tal-qtil ta’ Simon Grech fil-Marsa – l-akkużat joġġezzjona fuq il-proċeduri

Il-Qorti ddeċidiet fuq oġġezzjonijiet dwar il-proċeduri ġudizzjarji mressqa minn wieħed miż-żewġ akkużati bi qtil makabru li seħħ 15-il sena ilu.

Ismael Habesh mil-Libja u Faical Mahouachi mit-Tuneżija huma mixlija li qatlu lil Simon Grech fil-Marsa f’April tal-2005.

L-omiċidju seħħ meta l-vittma allegatament kien qed jitlajja’ għal skopijiet ta’ prostituzzjoni, u ġie avviċinat miż-żewġ akkużati.

Fil-Qorti ntqal li Habesh kellu relazzjoni mal-vittma, u dakinhar qabad jargumenta miegħu u aggredih. L-akkużat l-ieħor kien fil-karozza, u allegatament ħareġ jassisti lil sieħbu.

Iż-żewġ akkużati huma mixlija li ġarrew lil Grech għal ġo għalqa, fejn tawh 17-il daqqa ta’ sikkina u qatluh.

Habesh ressaq sensiela ta’ eċċezzjonijiet quddiem il-Qorti, fosthom biex jiġu sfilzati għadd ta’ dokumenti fl-atti tal-istruttorja u tal-kumpilazzjoni li mhumiex iffirmati mill-Maġistrat, kif ukoll l-istqarrijiet tax-xhieda kollha tal-prosekuzzjoni li ttieħdu mingħajr ma l-akkużat ingħata d-dritt tal-avukat.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Imħallef Aaron Bugeja, laqgħet it-talbiet għall-isfilz tal-atti mhux iffirmati, u ċċarat li dan ma jeskludix il-produċibbiltà u l-ammissibiltà ta’ dawn ix-xhieda meta jidhru quddiem il-ġuri.

Il-Qorti laqgħet ukoll l-isfilz tal-istqarrijiet magħmula mill-akkużat fl-2005 u fl-2009, iżda ordnat li tinżamm l-istqarrija li għamel l-akkużat fi Frar tal-2013, kif ukoll kull referenza fiha għal stqarrijiet preċedenti.

Talbiet oħra li saru mill-akkużat ma ġewx milqugħa. Il-kawża għadha trid tinstema’ quddiem il-ġurati.

Ara wkoll:

Il-qtil ta’ Simon Grech: Żewġ xhieda jgħidu li nsew ħafna affarijiet