Barranin
Elezzjoni missielta bejn Trump u Biden – it-tnejn jgħidu li qed jirbħu

Tellieqa drammatika għall-270; l-ammont ta’ Kulleġġi Elettorali li Trump jew Biden jridu jiksbu biex joħorġu rebbieħa minn din it-taqtigħa li jidher se tibqa’ għaddejja sal-aħħar minuta.

Attwalment Biden għandu vantaġġ b’220 fuq 213-il Kulleġġ Elettorali li rebaħ Trump. Iż-żewġ kandidati kellhom prestazzjon tajba fi stati meqjusa bħala tradizzjonalment repubblikani u demokratiċi.

Kollox jidher li se jiġi determinat mill-istati kontestati, fosthom Florida, li ntrebaħ minn Trump. Trump jidher li rebaħ ukoll Georgia u North Carolina.

Biden rebaħ Arizona, u jidher li se jirbaħ Wisconsin u Michighan. Hemm stennija għar-riżultat ta’ Pennsylvania li huwa meqjus kruċjali.

Għal din l-elezzjoni madwar 240 miljun votant kienu eleġibbli li jivvutaw , b’aktar minn 100 miljun bagħtu l-vot tagħhom bil-posta fil-ġimgħat li għaddew. In-numru ta’ ċittadini li ħarġu vvutaw f’din l-elezzjoni mistenni jkun l-ogħla f’kważi mitt sena. Il-coronavirus affettwat ukoll l-għadd tal-voti, bil-proċess mistenni jtul aktar minħabba l-voti li ntbagħtu bil-posta.

Fl-aħħar sigħat tkellem Joe Biden li qal jinsab kunfidenti dwar ir-riżultat. Appella għall-paċenzja hekk kif l-għadd tal-voti jista’ jdum sa aktar minn għada.

Min-naħa tiegħu Trump qal li ma pprepara l-ebda diskors ta’ konċessjoni. Fi tweet huwa akkuża lid-Demokratiċi li qed jippruvaw jisirqu l-elezzjoni billi jitfgħu l-voti meta l-votazzjoni hija magħluqa.

F’dan l-istadju ż-żewġ kandidati qed jgħidu li għandhom indikazzjoni li rebħu l-elezzjoni.

Sadanittant it-tensjoni fit-toroq tinħass sew, bil-Pulizija saħansitra jarrestaw tliet persuni wara minħabba xi inċidenti li nqalgħu. Mijiet ta’ persuni qed jipparteċipaw f’dimostrazzjoni qrib il-White House sakemm ir-riżultat jhitħabbar.

Segwi x’ġara lbieraħ:

Joe Biden mistenni jsir il-President Amerikan – l-ewwel indikazzjonijiet