Barranin
Elezzjonijiet Amerikani: Trump jew Biden?

Il-kampanji elettorali taż-żewġ kandidati fl-Istati Uniti daħlu fl-aħħar fażi tagħhom hekk kif għada l-Amerikani jagħżlu bejn il-President attwali u l-kandidat Repubblikan Donald Trump, u l-kandidat demokratiku u l-ex viċi President fl-amministrazzjoni Obama, Joe Biden.

Is-sitta u erbgħin President tal-Istati Uniti se jkun l-iżjed President elett anzjan fl-istorja Amerikana.

Il-professur Stephen Calleya li jispeċjalizza fl-istudji diplomatiċi fl-Università ta’ Malta qal li erba’ snin ilu, l-Amerikani kienu diġa’ ivvotaw għall-bidla meta għażlu lil Trump, wiċċ relattivament ġdid fl-isfera politika, fuq il-kandidata demokratika ta’ Hilary Clinton li kienet il-first lady Amerikana f’żewġ amministrazzjonijiet, u ex segretarju tal-istat fl-amministrazzjoni Obama.

Id-Direttur tal-Akkademja Mediterranja għall-Istudji Diplomatiċi qal li l-elezzjonijiet :

“huma litmus test, eżami dwar jekk il-poplu jerġa jagħżel it-tip ta stil u governanza bih, huwa stat ta’ fatt differenti mit-tradizzjoni, u naħseb li parti mir-risposta, mingħajr ma nantiċipa r-riżultat, diġa nista’ naraha fl-2016, għax il-poplu Amerikan kellu għażla…”

Il-professur Calleya qal li bla dubju l-pandemija tal-Covid-19 kienet kwistjoni determinanti waqt il-kampanja u se jkollha effett fuq ir-riżultat.

“Il-pandemija tibqa’ esklussiva, għax hija l-ewwel darba li għandna elezzjoni f’ħajjitna fejn għandek każ bħal dan, u trid jew ma tridx tammetti għax mhux kulħadd itiha priority għax hija fuq il-front burner, kwistjoni ewlenija, għandek wkoll il-fatturi l-oħra tal-ekonomija, rule of law, u race relations, racial tensions…”

Il-Professur Calleya qal li minkejja t-turbulenzi u l-iskandli politiċi waqt l-amministrazzjoni Trump, b’impeachment kontrih u sensiela ta’ investigazzjonijiet, il-politika tiegħu ntlaqgħet tajjeb minn sezzjonijiet sħaħ ta’ Amerikani.

Sostna li bi ftehim paċifiku storiku li tfassal mill-Istati Uniti, Iżrael u pajjiżi Għarab irnexxielhom jevitaw kunflitti bejniethom.

Qal li jekk ix-xejra tissokta f’din id-direzzjoni, il-politika futura internazzjonali kapaċi tbiddel il-mappa tal-Lvant Nofsani u tal-Mediterran.

Madwar 90 miljun persuna diġa’ tefgħu l-vot tagħhom fl-elezzjoni bikrija, bl-għadd ta’ votanti mistenni jkun l-ogħla u x’aktarx, dan il-fattur se jkollu effett fuq ir-riżultat finali.

(Din hija verżjoni mqassra tal-intervista mal-professur Calleya. L-intervista sħiħa tixxandar fuq TVAM u tvm.com.mt għada t-Tlieta, 3 ta’ Novembru)