Kunsilli Lokali
Elezzjonijiet tal-PE: 18,000 barrani eliġibbli jivvutaw għall-kandidati Maltin

Il-kaċċa għall-voti mill-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew mhix limitata biss għall-Maltin. Fl-elezzjoni tal-25 ta’ Mejju, eliġibbli jivvutaw tmintax-il elf u erba’ mitt ċittadini tal-pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea, terz minnhom Ingliżi, li b’għażla tagħhom jistgħu jagħżlu minn fost il-kandidati Maltin li qed jikkontestaw biex jiġu eletti sitt Ewroparlamentari.

Sitt ġimgħat bogħod mill-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali, il-magna tal-Kummissjoni Elettorali tinsab irrankata għal ħafna xogħol meħtieġ. Bħalissa qed jiġu stampati ‘l fuq minn 800,000 dokument tal-vot li se jibdew jitqassmu mill-Pulizija kif jgħaddi l-Għid.

Is-Sibt beda l-istampar tad-dokumenti tal-votazzjoni għall-appuntament elettorali doppju tal-25 ta’ Mejju: l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali. B’kollox qed jiġu stampati aktar minn 805,000 dokument għaż-żewġ elezzjonijiet. Il-Kummissarju Elettorali Prinċipali, Joseph Church, qal li għall-ewwel darba, dan il-proċess qed isir fl-Istamperija tal-Gvern, il-Marsa.

Il-Kummissarju Elettorali Prinċipali, Joseph Church qal “investew f’magni apposta, għal waħda għandhom tnejn, biex inħaffu, għax ovvjament in-numru hu kbir, biex f’qasir żmien aħna nlestu l-istampar kollu. Dejjem bil-partiti qed jissorveljaw il-proċess. Il-voting document se jkun bir-ritratt bil-kulur. U se jkun hemm ukoll forma ta’ lamination ukoll. Apparti s-security features li l-Kummissjoni qablet fuqhom ukoll u li dawk aħna biss nafu bihom għal raġunijiet ta’ sigurtà.”

Id-dokumenti tal-votazzjoni se jibdew jitqassmu bieb bieb mill-Pulizija mit-23 ta’ April, l-għada li jkun għalaq iż-żmien għan-nomini tal-kandidati għal dawn l-elezzjonijiet.

Kuntrarju għall-elezzjoni ġenerali, minbarra ċ-ċittadini Maltin jistgħu jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali ċittadini minn stati membri fl-Unjoni Ewropea li huma residenti f’Malta. Minn dawn, fir-reġistru elettorali tal-Kunsilli Lokali hemm kważi 80,000.

Fil-każ tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, iċ-ċittadini minn stati membri fl-Unjoni Ewropea jistgħu jivvutaw hawnhekk għall-kandidati Maltin la darba rreġistraw mal-Kummissjoni Elettorali. Hemm 18,375 li għamlu hekk.

“Fosthom għandek l-Ingliżi wkoll li minnhom hemm 6,034. Dawn qegħdin hemmhekk bħalissa, u jekk ma jiġrix xi ħaġa se jivvutaw bħall-oħrajn.”

Wara l-Ingliżi, l-akbar ammont ta’ barranin li għażlu li jivvutaw f’Malta, għall-kandidati Maltin huma t-Taljani b’aktar minn 4,000; segwiti mill-Bulgari, il-Ġermaniżi u r-Rumeni.

Fl-elezzjonijiet tax-xahar id-dieħel, se nixħtu l-voti f’kaxxi ġodda u trasparenti.

L-aħħar tappa f’dan il-proċess hu l-għadd tal-voti, din id-darba b’mod elettroniku. Is-Sur Church qal li l-Kummissjoni Elettorali tantiċipa li l-għadd tal-voti tal-Parlament Ewropew isir kollu l-Ħadd 26 ta’ Mejju. Fil-jumejn ta’ wara, fis-sala tal-għadd tal-voti fin-Naxxar isiru l-arranġamenti loġistiċi biex jibda l-għadd tal-voti tat-68 Kunsill Lokali.

“Jekk imur kollox kif pjanat, l-ewwel għadd ta’ 22 lokalità jibdew fid-29, 30, 31. Sal-Ġimgħa nkunu għalaqna l-Kunsilli Lokali kollha.”

Din hi l-ewwel darba f’25 sena ta’ Kunsilli Lokali li l-elezzjoni fil-lokalitajiet kollha ser issir f’daqqa.

Aħbarijiet Oħra
Lokali

L-Awtorità tad-Djar qalet li qed toffri l-assistenza neċessarja lill-familji milquta mit-tiġrif ta’ parti minn blokka ta’ appartamenti fi  Gwardamanġa. Fi stqarrija l-Awtorità tad-Djar qalet li hija nfurmata li l-erba’ familji…

Ikel

Id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali fi ħdan is-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika, jixtieq jinforma lill-pubbliku, li l-Palm Oil (Zomi oil) m’għandux jiġi kkunsmat minħabba li nstab li fih il-kulur Sudan IV li m’huwiex awtorizzat…

Kunsilli Lokali

Erba’ Kunsilli lokali ngħataw bejniethom €81,000 għaż-żamma u l-manutenzjoni ta’ proġetti li saru mill-Gvern ċentrali. Il-flus huma parti minn fond ta’ €200,000 li tnieda fil-budget wara lis-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis…

Aktar