Storja
Eluf ta’ dokumenti antiki qed jinqalbu minn fuq il-karta għall-isfera diġitali

L-Arkivji Notarli jilqgħu fihom l-atti oriġinali tan-Nutara Pubbliċi Maltin. Bħalissa l-ħaddiema ta’ dan l-uffiċċju, mgħejjuna wkoll minn voluntiera, qegħdin jiddiġitalizzaw l-atti li saħansitra jmorru lura għas-seklu ħmistax.

In-Nutar tal-Gvern, Dr Keith German, qal ma’ Television Malta li fi żmien disa’ xhur ġew skanjati mal-25,000 kuntratt b’aktar min 1 miljun u nofs paġna.

F’binja antika fi triq mill-aktar kwieta tal-kapitali, hemm l-Arkivji Notarili. Imorru lura għal żmien l-Ordni tal-Kavallieri, bl-eqdem volum ppreservat huwa dak ta’ Paolo Bonello li jmur lura għas-seklu ħmistax. Il-qoxra ta’ dawn il-volumi żżomm l-iskritti li jiddokumentaw mijiet ta’ snin ta’ storja kont l-atti u rekords nutarili. Madanakollu, huma dokumenti li ta’ kuljum jiġu studjati u miflija minn fost oħrajn minn professjonisti legali u storiċi.

Bil-għan li dawn l-iskritti jibqgħu jitgawdew mill-ġenerazzjonijiet futuri u fl-istess waqt jiġi ffaċilitat l-aċċess għalihom, bħalissa għaddej proċess ta’ diġitalizazzjoni tal-volumi. In-Nutar Keith German spjega li l-proċess beda f’Ġunju li għadda u s’issa ġew skenjati 25 elf kuntratt li jfissru miljun u ħames mitt elf paġna.

“Hawnhekk hawn minjiera ta’ informazzjoni. Ikollna ħafna riċerkaturi u qed insibu ħafna voluntiera jiġu fil-ħin liberu tagħhom jgħinuna fid-digitalisation. Dan huwa l-proċess biex nagħmlu digitalisation tal-kuntratti kollha li għandna llum.”

Il-Ministru tal-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis, qal li minn Ġunju tas-sena l-oħra sal-lum dan l-uffiċċju pproċessa l-volumi kollha tal-2016 u l-2017 tan-nutara kollha f’Malta. Qal li l-uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern qed jirċievi madwar 140 ordni għal kuntratti u testmenti kuljum. “L-idea hija dejjem li ċittadin ikun jista’ jinqeda mill-kumdità ta’ daru. L-idea hija li npoġġu dejjem liċ-ċittadin fiċ-ċentru. Minn mindu beda dan il-proġett in-nies naqsu bi 80%, inkluż professjonisti.”

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Stefan Zrinzo Azzopardi, qal li din is-sistema qed issir b’madwar €100,000 fondi Ewropej. Dr Zrinzo Azzopardi qal li l-Arkivji Notarili qed jibbenefikaw minn proġett ieħor ta’ madwar €4.2 miljun iffinanzjat ukoll minn fondi Ewropej, biex jiġu konservati, preservati u diġitalizzati l-arkivji notarili kollha.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, qal li dan l-investiment jorbot tajjeb mal-istrateġija wiesgħa tal-Gvern biex is-servizz jasal għand in-nies 24 siegħa kuljum is-sena kollha u bla taħbil il-moħħ.