Avjazzjoni
Eluf ta’ turisti mistennija jiġu Malta biex jaraw l-airshow

Spettaklu mill-ajru tul il-kosta bejn San Pawl il-Baħar u l-Qawra tul tmiem din il-ġimgħa.

Wara nuqqas ta’ erba snin tintemm l-istennija mid-dilettanti tal-ajruplani b’Malta terġa’ tospita l-Airshow Internazzjonali.

Ta’ tmiem din il-ġimgħa se tkun is-26 edizzjoni u fost il-55 ajruplan u ħelikopter ta’ diversi forzi tal-ajru Ewropej jerġgħu fostna r-Red Arrows li l-aħħar li ħadu sehem fl-airshow kien 7 snin ilu.

Joe Ciliberti, President tal-Malta Aviation Society li torganizza l-airshow, qal lil TVM li għall-avveniment ta’ din is-sena mistennija jiġu eluf ta’ turisti biex isegwu spettaklu uniku.

Spetaklu fl-ajru b’akrobaziji li jisfidaw il-gravità.

Wara 7 snin neqsin mill-ispazju tal-ajru Malti, ir-Red Arrows tar-Royal Air Force se jkunu fost il-parteċipanti tal-Air Show Internazzjonali ta’ Malta bi spettaklu ta’ 9 ajruplani.

Is-Soċjetà Maltija tal-Avjazzjoni ilha torganizza l-Airshow Internazzjonali mill-1993 b’Joe Ciliberti, President ta’ din is-soċjetà, jgħid li l-varjetà ta’ ajruplani u spettakli li se jittellgħu fi tmiem din il-ġimgħa diġà attiraw lejn Malta eluf ta’ turisti.

“Bħar-Red Arrows għall-Maltin ma hawn ħadd. Irnexxielna nġibuhom verament lejn l-aħħar għax ikkonfermawlna ġimgħatejn ilu għaliex kienu se jmorru l-Awstralja però l-Awstralja ħassru l-airshow li kellhom hemmhekk minħabba l-Covid u kemm huma u kemm aħna ħadna l-opportunità biex nerġgħu nġibuhom hawnhekk”.

L-ispettaklu se jkun jista’ jitgawda mill-pubbliku tul il-kosta ta’ San Pawl il-Baħar u l-Qawra nhar is-Sibt u l-Ħadd li ġej u flimkien mar-Red Arrows bosta ajruplani oħra fosthom il-PC17 mill-Iżvizzera li se jkunu qed jagħtu spettaklu fl-ajru b’9 ajruplani.

Fost il-55 ajruplan u ħelikopter li se jkunu qegħdin jipparteċipaw fis-26 edizzjoni tal-Airshow Internazzjonali ta’ Malta, il-Forzi Armati ta’ Malta se jkunu qegħdin jipparteċipaw fil-wirja statika u anke fl-ajru. permezz tal-ħelikopters Augusta Westland u l-Aloutte flimkien mal-ajruplan Beechcraft 200 King Air.pirshow ta’ din is-sena hemm tipi ta’ ajruplani li se jkunu qegħdin jiġu Malta għall-ewwel darba u oħrajn li wisq probabbli se jiġu għall-aħħar darba.

Ciliberti qal li għall-airshow ta’ din is-sena hemm tipi ta’ ajruplani li se jkunu qed jiġu Malta għall-ewwel darba u oħrajn li wisq probabbli se jiġu għall-aħħar darba.

“Għall-ewwel darba se jkollna ir-Rafale li huwa ajruplan supersoniku Franċiż u l-pride ta’ Franza … qatt ma kellna wieħed għall-Airshow … imbagħad hemm ajruplani li huma lejn l-aħħar tal-karriera tagħhom bħat-Tornado’s”.

Mal-wirja tal-ajru tul il-kosta ta’ San Pawl il-Bahar, il-pubbliku jista’ jsegwi mill-qrib l-ajruplani f’din l-edizzjoni tal-Air Show li se jkunu f’wirja statika f’Park 4 fi triq ta’ Ħal Farruġ.

Ciliberti qal li l-airshow ta’ din is-sena setgħet issir bil-kollaborazzjoni ta’ diversi entitajiet fosthom l-Awtorita Maltija għat-Turiżmu.