Emendi biex tonqos iċ-ċensura fosthom fuq il-ħwienet tal-pornografija

Tħabbru emendi li għandhom l-għan li jagħtu aktar libertà lill-artisti jesprimu l-arti tagħhom mingħajr ma jkunu ċċensurati ħlief fi kwistjoni ta’ pornografija estrema u f’każi fejn jista’ jkun hemm theddid għall-ordni pubbliku.

Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici ħabbar numru ta’ emendi għall-kodiċi kriminali, li fost oħrajn ser jiddefinixxu aħjar x’inhuwa pornografiku. Bl-emendi mhux ser jibqa’ illegali l-produzzjoni u t-tqassim tal-pornografija ħlief f’każi estremi bħal bestjalità u l-istupru. L-abbozz jipprovdi wkoll li l-pornografija ma tistax tkun esposta f’post pubbliku u ħwienet tal-adulti jridu jagħmlu twissijiet ċari u ma jkunux aċċessibbli għal persuni taħt it-18-il sena.

Ser jibqa’ reat kriminali dak li jissejjaħ revenge porn, jiġifieri li wieħed ipoġġi fuq l-internet filmati pornografiċi li jkunu ttieħdu għal skop personali.

Ir-reat kriminali li kien hemm fil-liġi għat-tkasbir tar-reliġjon ser jinbidlu u jiġu sostitwiti bħala kontravenzjoni sakemm it-tkasbir ma jkunux ta’ periklu għall-ordni pubbliku. Għalhekk is-satira relatata mar-reliġjon mhix ser tibqa’ meqjusa bħala reat.

Il-Minsitru Bonnici qal li dawn l-emendi jagħtu każ il-proposti li saru mill-Front Kontra ċ-Ċensura li twaqqaf fl-2009 u jimplimentaw wegħda elettorali. Qal li dawn l-emendi se jagħtu aktar libertà artistika mingħajr restrizzjoni ħlief f’dak li għandu x’jaqsam ma’ mibgħeda razzjali. Dr Bonnici qal li l-Gvern m’għandux jibqa’ l-gwardjan fuq il-moralità u l-adulti jistgħu jiddeċiedu għalihom infushom dwar x’jaraw u mhux ikun l-istat li jiddeċiedi għalihom.

Best practices Ewropej jitkellmu fuq il-bżonn li inti tinċentiva l-libertà tal-espressjoni u tipproteġi dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà. Allura dan l-abozz qed joħloq dan il-bilanċ kruċjali fejn qed ikabbar il-libertà tal-espressjoni imma qed iżid il-protezzjoni għal persuni vulnerabbli.

Waqt li ħabbar dawn l-emendi fil-kodiċi kriminali, mal-Ministru Bonnici, kien hemm Mark Camilleri li kien tressaq il-Qorti fuq pubblikazzjoni letterarja li bil-liġi kienet meqjusa offensiva u illegali. Is-Sur Camillieri qal li dawn l-emendi jagħtu serħan il-moħħ lill-artisti u rringrazzja lill-Gvern li żamm kelmtu b’dawn l-emendi.

Il-Ministru Owen Bonnici diġà ressaq l-ewwel qari ta’ dan l-abbozz.

“Jien għaddejt koppja lil Oppożizzjoni ta’ dawn l-emendi qabel dawn ġew ippublikati llum u dawn ikunu jistgħu jimxu ‘il quddiem b’mod spedit anki jista’ jkun meta jerġa’ jiftaħ il-Parlament wara is-sajf,” qal il-Ministru Bonnici.

Dr Bonnici qal li dawn l-emendi jirriflettu iċ-ċirkustanzi ta’ soċjetà li qed timmatura u tiżviluppa waqt li tibqa konxja tar-responsabilitajiet tagħha lejn il-minorenni u persuni oħra vulnerabbli.