Mużika
Emma Cutajar tniedi l-ewwel kanzunetta oriġinali tagħha ‘I Miss You’!

Emma Cutajar nediet il-kanzunetta magħrufa tal-‘Golden Buzzer’ waqt Malta’s Got Talent ‘I Miss You’. Wieħed jista’ jsib din il-kanzunetta fuq il-pjatttaformi tal-mużika fosthom Spotify kif ukoll music video li tista’ tara fuq YouTube. Il-‘music video’ huwa tal-producer magħruf Steven Levi Vella filwaqt li l-kanzunetta ġiet prodotta minn Peter Borg minn ‘Railway Studios’.

Emma, li għandha 14-il sena, hija kantawtriċi li reċentement bdiet issib saqajha fl-industrija grazzi għall-prestazzjoni tagħha f ‘Malta’s Got Talent’.

Emma ddeċidiet li tibda bil-produzzjoni ta’ din il-kanzunetta qabel kwalunkwe oħra għall-fatt li hi speċjali ħafna għaliha u għall-familja tagħha. L-audition fejn instemgħet l-ewwel darba din il-kanzunetta, laħqet mijiet ta’ eluf ta’ telespettaturi fuq it-Televiżjoni, YouTube, Facebook, Instagram u TikTok flimkien. Ġiet magħżula wkoll bħala waħda mill-‘Iktar 10 Auditions Emozzjonali tal-2020’ minn madwar id-dinja minn żewġ stazzjonijiet separati b’miljuni ta’ abbonati fuq YouTube.

Meta kkummentat dwar din il-kanzunetta Emma qalet li dil-kanzunetta hija għal qalba ħafna hekk kif hija miktuba dwar oħtha li qatt ma kellha ċ-ċans tiltaqa’ magħha għax mietet qabel ma twieldet Emma. “Għandi ħafna mistoqsijiet dwar kif kienet tkun ħajti li kieku kienet għadha hawn miegħi, u din il-kanzunetta hija dwar dan. Il-kitba tal-mużika tgħinni nesprimi ruħi b’mod li ma nistax nagħmel bil-kliem u allura din il-kanzunetta fiha l-iktar emozzjoni pura.”

Emma qalet li hija grata għal pjattaforma li taha x-xow ‘Malta’s Got Talent’. Hija tkompli tispjega li din il-kanzunetta saret saħansitra aktar speċjali għaliha u għall-familja tagħha meta ngħatat il-‘Golden Buzzer’ minn Maxine Aquilina wara l-audition tagħha waqt l-ewwel edizzjoni ta’ Malta’s Got Talent. Kien għalhekk li ħadet id-deċiżjoni li tibda l-karriera tagħha bil-kanzunetta ‘I Miss You’ bħala l-ewwel kanzunetta uffiċjali tagħha akkumpanjatha minn music video.