COVID-19
Entitajiet tal-Knisja jsejħu għal solidarjetà mal-aktar vulnerabbli

20 entità tal-Knisja qed jagħmlu sejħa għal solidarjetà ma’ dawk li huma l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kurja, l-entitajiet qalu li f’dan iż‑żmien ta’ kriżi, imqabbel minn ħafna ma’ żmien ta’ gwerra, żmien fejn il‑pajjiż qed iwaqqaf kull tip ta’ operat sabiex jipprepara għall‑ġranet li ġejjijn, qed isejħu lill‑awtoritajiet sabiex jieħdu aktar miżuri konkreti ħalli jassiguraw li dawk in‑nies li qed jgħixu fil‑faqar ma jispiċċawx mingħajr il‑ħtiġijiet bażiċi għal ħajja dinjituża.

L-entitajiet qalu li jinsabu ferm imħassba dwar l‑impatt li l‑imxija tal‑coronavirus se tħalli fuq dawk li huma l‑aktar vulnerabbli fis‑soċjetà.  Qalu li huma jiltaqgħu ma’ nies b’diżabbiltà, nies bi problemi ta’ saħħa mentali, dawk li qed jissieltu kontra xi tip ta’ vizzju, ex priġuniera, ex vittmi ta’ vjolenza domestika li qed jippruvaw jerġgħu jibnu ħajjithom, refuġjati, immigranti jew familji kbar li jridu jgħixu fuq paga waħda. Qalu li ħafna minn dawn ma jaqilgħux wisq aktar mill-paga minima, li bilkemm iservihom biex iħallsu l-kera, l-ikel u l-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Ftit huma dawk li għandhom xi flus imġemma’ li jkunu jistgħu jsostnuhom f’perjodu bla xogħol fit-tul. Filwaqt li xi wħud jistgħu jibbenifikaw minn benefiċċji soċjali, dan ma japplikax għal kulħadd.

Qalu li japprezzaw li l-Gvern waqqaf diversi servizzi ta’ sapport għal dawk in-nies vulnerabbli, bħas-support line u tqassim ta’ ikel għall-anzjani li ma jistgħux joħorġu jixtru. Tħabbru wkoll diversi miżuri biex jgħinu lin-negozji sabiex iżommu lill-ħaddiema tagħhom u biex jgħinu persuni li jitilfu l-impjieg konsegwenza ta’ din il-pandemija, bħaż-żieda temporanja fil-benefiċċji lin-nies qiegħda u estenzjoni tal-iskema tas-sussidju tal-kera.

Qalu li filwaqt li dawn l-inizjattivi huma kritiċi, qed jidher ċar li dan waħdu mhux biżżejjed sabiex jiġi żgurat li kulħadd ikun jista’ jgħix ħajja dinjituża fix-xhur li ġejjin. Sabiex dan iseħħ, huwa essenzjali li jittieħdu l-passi meħtieġa biex jiġi pprovdut sapport materjali u finanzjarju lil kull min m’għandux biżżejjed dħul biex ikollu saqaf fuq rasu, mediċini jew ikel. Qalu li d-dritt tal-aċċess għal dan is-sapport u għal dawn is-servizzi bażiċi,  bħas-servizz tas-saħħa, għandu jkun bbażat fuq il-bżonn innifsu u mhux fuq xi kriterja oħra, bħall-istatus ta’ immigrazzjoni.

Komplew jgħidu li f’dawn l-aħħar ġimgħat ammiraw id-diversi atti ta’ solidarjetà: bħal sidien ta’ postijiet jnaqqsu l-kirjiet, sidien joffru akkomodazzjoni b’xejn, nies joffru għajnuna lill-anzjani b’diversi qadi bħal xiri ta’ kuljum, u oħrajn li sajru għal dawk fis-settur mediku li b’kuraġġ u determinazzjoni qed jiġġieldu kontra din il-pandemija b’mod dirett. Qalu li dawn l-azzjonijiet iwasslu messaġġ ċar: agħmel ma’ ħaddiehor dak li trid li ħaddieħor jagħmel miegħek.

Sostnew li jemmnu li l-politiċi għandhom jwasslu dan l-istess messaġġ ta’ tama, billi jpoġġu fiċ-ċentru tal-prijorijajiet tagħhom il-bżonnijiet ta’ dawk l-aktar vulnerabbli fostna.

Tennew ir-rieda tagħhom li jgħinu l-awtoritajiet biex iwettqu dawn is-servizzi fiċ-ċirkustanzi attwali.

L-20 entità huma: Kummissjoni Ġustizzja u Paċi, Kummissjoni Djakonija, Kunsill Superjuri Maġġuri tar-Reliġjużi (KSMR), Djar tal-Knisja tal-Anzjani, Caritas Malta, Fondazzjoni Dar Merħba Bik, Dar Hosea, Dar tal-Providenza, Fondazzjoni Sebħ, Fondazzjoni ‘Paċi u Ġid’, Jesuit Refugee Service (Malta), Laboratorju tal-Paċi, Kummissjani Emigranti Malta, Millenium Chapel, L-Istitut Paulo Freire, Salesjani Dar Osanna Pia, Segretarjat Assistenza Soċjali Azzjoni Kattolika Maltija (SAS), Soċjetà ta’ San Vinċenz de Paul – Malta, Fondazzjoni St Jeanne u  Fondazzjoni Youth Alive.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Koki li jaħdmu f’diversi ristoranti li jinsabu magħluqa minħabba r-restrizzjonijiet li saru, ma spiċċawx b’idejhom fuq żaqqhom għax xammru l-kmien u b’mod volontarju qed iħejju ikliet bnini għal ħaddiema fost…

Barranin

Ajruplan li kien fi triqtu lejn il-Ġappun bi provvisti mediċi ġġarraf fl-ajruport ta’ Manila, fil-Filippini fejn mietu 8 persuni li kienu abbord. Il-gvern Filippin kien se jibgħat għadd ta’ provvisti…

COVID-19

It-tliet deputati Nazzjonalisti Għawdxin, Chris Said, Frederick Azzopardi u Kevin Cutajar qalu fi stqarrija li l-miżuri li tħabbru lbieraħ għall-isptar ta’ Għawdex huma fid-direzzjoni t-tajba, anke għax huma fost il-miżuri…

Lokali

Il-vjolenza domestika – pjaga moħbija tas-soċjetà li fi kriżi bħal din taf tgħolli aktar rasha. F’diversi pajjiżi fejn sar lockdown diġà rrappurtaw żieda fl-inċidenza tal-każi tal-vjolenza domestika. Il-kummissarju dwar il-vjolenza…

Aktar