Erba’ mużiċisti Maltin jirriflettu fuq is-sena 2020 permezz tal-mużika

Għall-ewwel ġurnata tas-sena, ‘Popolin’ ipprepara programm b’differenza, dan għaliex iddevja mill-format normali tiegħu, għaliex il-mistednin kellhom iċ-ċans iwieġbu għar-risposti magħmula mill-preżentatur b’ kanzunetta u mhux b’diskussjoni bħas-soltu.

Il-mistednin kienu; Marc Alan Spiteri Stafrace, Wayne Camilleri, Gianni u Claudia Faniello, mużiċisti prominenti fid-dinja tal-mużika lokali. Fost punti varji li qamu waqt il-programm, tkellmu fuq l-impatt tal-pandemija fuq ix-xogħol tagħhom, kif ukoll dak li tgħallmu minn dan iż-żmien diffiċli. Indaqqet il-kanzuetta ‘Times like These’ tal-Foo Fighters għaliex spjegaw li f’mumenti bħal ma kellna din is-sena tiftakar kemm għandek tapprezza dak li għandek madwarek. Gianni u Wayne interpretaw ukoll id-diska tal-Oasis ‘Don’t look back in Anger’, tennew li għandna nitgħallmu mis-sena 2020 u nħarsu l-quddiem lejn sena aħjar.

Claudia Faniello għażlet li tinterpreta d-diska ‘Frozen’ ta’ Madonna. Ħasset li din is-sena kienet sena staġnata li waqfet u ħasdet il-ħajja ta’ bosta persuni. Tkellmet fuq is-sitwazzjoni li għexu u qed jgħixu l-anzjani tagħna li ilhom minn Marzu li għadda msakkrin ġewwa, mbeżża’ mir-riperkussjonijiet koroh li għandha din il-pandemija. Fl-aħħar nett Marc Alan interpreta d-diska ‘Lean On Me’ ta’ Bill Withers sabiex iwassal messaġġ ta’ kuraġġ u tama’ lil kullħadd.

Erġa’ segwi l-programm fuq TVMI.

Popolin