COVID-19
Erba’ xhur mill-ewwel każ ta’ Covid-19 f’Malta… x’inhi s-sitwazzjoni llum?

F’għeluq ir-raba’ xahar minn meta feġġ l-ewwel każ tal-coronavirus f’Malta, ir-rata ta’ trasmissjoni tal-virus minn persuna għall-oħra, l-hekk imsejjaħ R Factor, nizel għal 0.33, li jfisser li tliet persuni jistgħu jinfettaw persuna oħra.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li qabel ma tinstab tilqima effettiva, ma nistgħux ngħidu li nkunu ħielsa mill-coronavirus. “Kien hemm ħafna pajjiżi li kellhom numru ta’ ġranet fejn ma kellhomx każijiet u qalu li huma ‘Covid free’, però din hija ċara li inti tista’ tgħid li inti ‘Covid free’ meta tiġi tilqima li tkun effettiva u li jkollna biżejjed biex inkunu nistgħu nagħtuha lill-popolazzjoni kollha.”

Il-Professur Gauci saħqet li għalkemm dan l-aħħar kien hemm ġranet meta l-ebda test ma ħareġ pożittiv, ma jfissirx li nistgħu nwarrbu l-miżuri ta’ mitigazzjoni. “Importanti li aħna nibqgħu nieħdu dawk il-mezzi kollha ta’ mitigazzjoni biex aħna nżommu s-sitwazzjoni stabbli.”

Hija appellat biex tibqa’ tinżamm id-distanza soċjali ta’ żewġ metri bejn persuna u oħra, il-ħasil tal-idejn bis-sapun u l-ilma jew bis-sanitizer tal-alkoħol, u l-ilbies tal-maskri jew visors. Spjegat li studji juru li r-rata ta’ trażmissjoni tal-virus tonqos ħafna bl-użu tal-maskri.

“Aħna għandna nkunu responsabbli u li nirispettaw lil ħaddieħor, li inti jekk nuża maskra jien qed nipproteġi lilek, jekk tuża maskra inti qed tipproteġi lili, allura mhux biżżejjed li qed nilbisha jien biss. Irid jilbisha kulħadd.”

Il-Professur Gauci qalet li għalkemm l-emerġenza ta’ saħħa pubblika tneħħiet, il-maskri għandhom jintlibsu skont l-Att dwar is-Saħħa Pubblika. “In fatti inti għandek postijiet bħal pereżempju fir-retail outlet, fil-banek, fuq il-postijiet tal-linja speċjalment fejn ħa tiltaqa’ ma’ ħafna nies fuq mezzi ta’ trasport oħra bħal pereżempju l-vapur taċ-Ċirkewwa – dawn huma importanti ħafna u anke bil-liġi li jintlibsu.”

Dwar il-fatt li Malta rnexxielha tikkontrolla l-virus mingħajr lockdown sħiħ, il-Professur Gauci qalet li dan kien ir-riżultat ta’ diversi fatturi -ewlenin fosthom it-testijiet, l-iżolament tal-persuni pożittivi għall-virus, u kwarantina għall-persuni qrib tagħhom. “Waħda mill-aqwa għodod li kellna f’idejna hija li rajna lin-nies li kkopperaw, kienu edukati, li huma wkoll ikkontrollaw lilhom infushom.”

Għat-tieni darba f’anqas minn ġimgħa, l-awtoritajiet tas-saħħa kkonfermaw it-tieni każ impurtat – din id-darba ta’ passiġier ta’ nazzjonalità barranija li għandu permess ta’ residenza f’Malta. Il-Professur Gauci qalet li dawn it-titjiriet ta’ riptarijazzjoni għadhom isiru għal ċittadini Maltin u għal persuni li għandhom permess li jgħixu f’Malta u jinsabu f’pajjiż li mhux fil-lista tal-għoxrin destinazzjoni fl-Ewropa fejn bdew it-titjiriet bi skeda. Spjegat li dawn il-persuni jridu jagħmlu test qabel ma jitilqu, jagħmlu ieħor meta jaslu f’Malta u jerġa’ jsirilhom test ieħor meta jkunu fi kwarantina.

Minkejja li fil-ħmistax ta’ Lulju se jitneħħew ir-restrizzjonjiet ta’ vjaġġar minn u lejn pajjiżi oħrajn, il-Professur Gauci qalet li xorta ser ikun hemm lista ta’ pajjiżi meqjusa ta’ riskju għoli li l-ivjaġġar lejhom mhux ser ikun jista’ jsir.