Erbatax-il elf ruħ f’Malta għandhom l-epilessija

‘Popolin’ stħarreġ il-kundizzjoni tal-epilessija. Din il-kundizzjoni tiżviluppa għall-għarrieda u tista’ tolqot lil kulħadd. Biss hija komuni l-aktar fost it-tfal, iż-żgħażagħ u anke l-anzjani. Persuni li għandhom din il-kundizzjoni jinħakmu minn diversi aċċessjonijiet bi nhar u xi drabi anke mal-lejl. Fil-maġġor parti tal-każijiet l-aċċessjonijiet ma jdumx iktar minn tliet minuti.

Il-Professur Janet Mifsud, konsulent għal Caritas Malta Epilepsy Association spjegat li kull persuna f’ħajjitha se tgħaddi minn aċċessjoni waħda. L-Epilessija hi propju meta l-istess persuna tgħaddi minn iktar minn aċċessjoni waħda. Hi spjegat li fil-verità l-epilessija teżisti taħt diversi forom biss mhijiex xi ħaġa tal-biża. Żiedet tgħid li sfortunatament hawn nuqqas ta’ għarfien rigward dan is-suġġett li qed iwassal biex diversi persuni li għandhom din il-kundizzjoni lanqas ikunu jafu li huma epilettiċi.

Frank Portelli, president tal-Caritas Malta Epilepsy Association tenna li ħafna mid-drabi dawk il-persuni li jkollhom din il-kundizzjoni jkunu aċċettaw il-fatt li jridu jgħixu bil-kundizzjoni, biss is-soċjetà tagħmlilhom il-ħajja iktar diffiċli għaliex jiġu mwarrba u stigmatizzati. Mifsud saħqet li ma hemm l-ebda relazzjoni bejn is-saħħa mentali tal-individwu u din il-kundizzjoni.

Bħala soċjetà rridu naħdmu biex jiżdied iktar l-għarfien rigward din il-kundizzjoni biex b’hekk tiġi eliminata l-istigma marbuta mal-epilessija, li qed twassal biex persuni li għandhom din il-kundizzjoni jiltaqgħu ma’ diffikultajiet fil-ħajja ta’ kuljum fosthom biex isibu x-xogħol.