Lokali
Erbgħa arrestati fil-Marsa fuq traffikar tal-kannabis

Ħidma mill-membri tar-Rapid Intervention Unit, assistiti mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, ilbieraħ filgħaxija wasslet għall-arrest ta’ erbat irġiel li l-età tagħhom tvarja bejn 20 u 35 sena.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li l-irġiel, tnejn ta’ nazzjonalità Somala, wieħed mill-Eritrea u l-ieħor Malti, ġew arrestati waqt rejd li sar ġo bar fil-Marsa.

Il-persuni nstabu fil-pussess ta’ sustanza suspettata raża tal-kannabis u pjanta tal-kannabis jew parti minnha. Is-sustanza kienet lesta sabiex tiġi ttraffikata.

Dwar il-każ inħattret inkjesta mill-Maġistrat tal-Għassa Aaron Bugeja, li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh.

Wieħed mis-Somali u l-Eritrean sejrin jitressqu l-Qorti ftit tal-ħin ieħor quddiem il-Maġistrat Dr. C Galea, akkużati bil-pussess aggravat tar-raża tal-kannabis u tal-pjanta tal-kannabis. Iż-żewġ persuni l-oħra qed jinżammu taħt arrest sabiex jgħinu lill-Pulizija fl-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin.

 

Ara wkoll: Jinżammu arrestati wara li nqabdu bil-kannabis fil-Marsa