Lokali
Aġġornat: Mixlija li pprovaw jaħslu €21,000 mid-droga fi ħwienet tal-logħob

Erbgħa rġiel inżammu arrestati wara li t-Tlieta waranofisnhar tressqu l-qorti mixilja b’ħasil ta’ flus.

L-akkużati Rendent Cassar, Charleston Cassar, Jerome Azzopardi u Josef Majri wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.

Huma ġew mixlija li f’Ġunju tas-sena l-oħra ppruvaw jaħslu bejniethom €21,000 fi ħwienet tal-logħob.

L-Ispettur Robert Azzopardi qal li l-Pulizija bdiet tinvestiga l-każ fil-bidu tas-sena wara li aġixxiet fuq tagħrif anonimu li rċeviet fl-istess perjodu.

Il-prosekuzzjoni qalet li s-suspett hu li l-akkużati ġabu l-flus mit-traffikar tad-droga li dwarhom diġà ġew akkużati u ngħataw il-ħelsien mill-arrest.

Il-Pulizija xliethom li huma reċedivi għax kisru l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest fuq akkużi oħrajn relatati mat-traffikar tad-droga.

Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat fosthom minħabba biża’ ta’ intraċċ tal-provi u minħabba li għad iridu jixhdu impjegati tal-ħwienet tal-logħob.

Il-Magistrat Lara Lanfranco ċaħdet it-talba u ordnat li l-akkużati jibqgħu arrestati.