X

Eroj u martri jew spija u traditur – min kien eżatt Carmelo Borg Pisani?

L-istorja tal-artist Malti u faxxist Taljan Carmelo Borg Pisani nħadmet f’film Malti ‘Carmelo’, ibbażat fuq riċerka li għamel l-ex ġurnalist Lawrence Mizzi li mbagħad ippubblikaha fil-ktieb ‘Għall-Ħolma ta’ Ħajtu’.

Borg Pisani hawn min iħares lejh bħala traditur, oħrajn iqisuh bħala eroj, iżda min kien fir-realtà dan il-persunaġġ storiku li għex bejn l-1914 u l-1942?

Lawrence Mizzi jgħid li Borg Pisani kellu ħolma li jara lil Malta magħquda mal-Italja; qal li kien infatwat mit-Taljani u l-ideal tiegħu ma kienx li jagħmel ħsara lil Malta imma li ma jħallihiex tibqa’ kolonja.

Fi programm speċjali Ras imb Ras li se jixxandar għada qabel il-film ‘Carmelo’, il-Professur Henry Frendo jirreferi għal Borg Pisani bħala simpatizzant mat-Taljani, bħal ħafna oħrajn, iżda li l-gwerra biddlet is-sitwazzjoni tiegħu meta tqabbad mit-Taljani biex jispija fuq l-Ingliżi.

Min-naħa l-oħra, l-ex ġurnalist Lawrence Grech qal li fl-aqwa sena tal-gwerra, Malta kienet qed issofri ħafna, u l-iskop taż-żjara ta’ Borg Pisani f’pajjiżna kien li jitkixxef dwar id-difiża tal-Ingliżi f’Malta, xi ħaġa li qanqlet reazzjoni tant li spiċċa priġunier tal-gwerra.

Lawrence Mizzi qal li sar jaf bih meta għallquh – jirrimarka li dak iż-żmien ħadd ma qal xejn – isostni li l-Qorti ċaħħditu milli jara l-proċess tiegħu biex jiskopri iktar dwar dan il-persunaġġ storiku kontroversjali.

‘Carmelo’ se jixxandar għada għall-ħabta tal-10.15pm fuq TVM.  Huwa film iffinanzjat mill-iskema Film Malta tal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Public Broadcasting Services.