Lokali
“Ersqu lejn is-sengħa tal-mastrudaxxa” – appell imqanqal liż-żgħażagħ

Mastrudaxxa li ilu għomru u żmienu jaħdem fl-injam appella liż-żgħażagħ biex jersqu lejn is-sengħa tal-injam għax hemm lok li jimirħu. F’intervista ma’ Television Malta, Leslie Abela Vassallo qal li mhuwiex minnu li mastrudaxxa jqatta’ għomru jinċana l-injam iżda bħalu jista’ jmexxi grupp ta’ mastrudaxxi u jiggwidahom fil-lant tax-xogħol.

Filwaqt li bħalissa f’Malta hawn mas-600 mastrudaxxa, fl-immedjat huma meħtieġa 200 oħra iżda fil-korsijiet tal-MCAST qed jidħlu tliet studenti fis-sena biss.

Sa minn ċkunitu Leslie Abela Vassallo kellu namra għas-sengħa tal-mastrudaxxa. Kien jogħxa jintasab ħdejn il-ġar wara l-iskola jarah jaħdem l-injam.

“Qabel kien ikollna ħafna ċans li niġru barra t-tfal. Mhux bħal-lum. Kulħadd bil-playstation u bil-mobile kulħadd magħluq ġewwa.”

In-namra lejn l-injam kompliet titkebbes fih. Daħal l-iskola tal-isnajja’ u bl-apprentistat beda jifhem iktar s-sengħa tal-mastrudaxxa. Għall-ewwel xogħlu kien jgħaqqad l-għamara.

“Imma mbagħad maż-żmien peress li jkollok in-namra ġo fik, dejjem timpruvja ‘l quddiem. Imbagħad spiċċajna nagħmlu l-bibien u kollox.”

Issa ilu 33 sena jaħdem fl-injam. Illum il-ġurnata Leslie jmexxi grupp ta’ mastrudaxxi f’kumpanija lokali tal-għamara u ma baqax jinċana l-injam għal għomru. Kellu ċ-ċans javvanza.

“Irid ikollok in-know how x’inhi s-sengħa. Mhux imbasta għandek il-magna li mingħalik se jagħmlu mastrudaxxa.”

Fil-kors tal-mastrudaxxi tal-MCAST qed jinkitbu biss tliet studenti fis-sena, bl-industrija jkollha tirrikorri għall-ħaddiema barranin biex timpjegahom bħala mastrudaxxi. Huwa appella liż-żgħażagħ biex jersqu lejn is-sengħa tal-mastrudaxxa.

“Sodisfazzjon sabiħ speċjalment meta jibgħatlek il-klijent li hu kuntent ħafna bix-xogħol li ħareġ minn taħt idejk u kollox.”

Kif jistqarr id-Deputat President tal-Kamra tal-Kummerċ, Chris Vassallo Cesareo, bħalissa l-industrija qed tibki għall-mastrudaxxi.

“Għandna każi. Mhux wieħed jew tnejn. Fejn wieħed jibda bħala apprentistat u jista’ jiżviluppa l-karriera tiegħu skont l-ambizzjoni tal-individwu.”

Hu stmat li bħalissa f’Malta hawn iktar minn 600 ħaddiem bis-sengħa tal-injam.

Id-Direttur tal-Istitut tal-Inġinerija fl-MCAST, Stephen Sammut, qal li fl-immedjat is-settur għandu bżonn 200 mastrudaxxa oħra.

“Jien nappella anki għaż-żgħażagħ hemm barra biex jikkunsidraw japplikaw għax ix-xogħlijiet li hemm barra huma interessanti, il-pagi huma tajbin u wieħed jista’ jgħid li għandu xogħol garantit jekk jispiċċa l-kors u jitgħallem is-sengħa.”

L-inġinier Sammut qal li għall-korsijiet jistgħu japplikaw anki nies li m’għandhomx idea tas-sengħa.