Lokali
ESKLUSSIVA: Ara l-mument xħin il-binja fil-Mellieħa waqgħet sena ilu

Filmat xokkanti wasal fiċ-ċentru tal-aħbarijiet li juri l-mument eżatt xħin binja fil-Mellieħa fejn kien qed isir xogħol ta’ kostruzzjoni waqgħet eżatt bħal lum sena. F’dak l-inċident kien biss b’miraklu li mara Ingliża li kienet tgħix fl-appartament li nofsu ġġaraf li ħelsitha mill-mewt bis-sodda tagħha baqgħet indendla mill-kamra ‘l barra. Sena wara l-kollass ta’ dil-blokka fil-Mellieħa, il-persuni affetwati għadhom qed jistennew l-eżitu tal-inkjesta.

Kien kmieni fl-għodwa tat-8 ta’ Ġunju tas-sena li għaddiet li parti minn blokka ta’ appartamenti fi Triq il-Kbira fil-Mellieħa spiċċat borġ ġebel waqt li maġenba kien għaddej xogħol ta’ kostruzzjoni. Filmat tal-mument li seħħ dan l-inċident juri kif il-binja spiċċat borġ ġebel.

Nies li dak il-ħin kienu fuq il-post mill-ewwel dehru xxukjati għax instemgħu jgħidu li kien hemm in-nies ġewwa. B’xorti tajba, Meggie Smith ma ġralha xejn anke jekk sodditha spiċċat nofsha barra mill-kamra fil-parti mġarrfa.

Konsegwenza t’hekk mara anzjana kienet sfat maqbuda fit-tifrik u kella tiġi salvata mill-forzi tal-ordni. Minkejja dan l-inċident orribli sena wara l-partijiet involuti għadhom fl-għama.

Apparti li qed jistennew l-eżitu tal-inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Astrid May Grima, is-sidien li l-proprjetà tagħhom iġġarfet stqarrew ma’ Television Malta li wara l-inċident ħarġu minn buthom mat-€73,000 fi spejjeż li kellhom jagħmlu. Fosthom distributur tax-xorb li f’ħakka t’għajn tilef il-ħażna tiegħu b’valur ta’ eluf kbar ta’ ewro.

Dak l-inċident li d-dinamika u r-responsabiltà għalih għad trid tiġi stabbilita fl-inkjesta ma kienx l-aħħar wieħed għax ġraw inċidenti simili warajh fosthom fil-Ħamrun fejn tilfet ħajjitha Miriam Pace. Wara dik it-traġedja kumitat tekniku mmexxi mill-Imħallef Emeritu Lawrence Quintano ppropona lill-Gvern tisħiħ tar-regoli għall-ħarsien tas-sigurtà f’siti tal-kostruzzjoni. TVM huwa infurmat li r-rapport għadu qed jiġi evalwat.