Lokali
ESKLUSSIVA: Il-filmat tal-allegat “ħtif” ta’ tarbija f’pushchair f’B’Buġa

Filmat esklussiv li qed ixandar tvm.com.mt juri s-sekwenza kollha ta’ mara li allegat li sar attentat biex jaħtfu lil binha li kien fil-pushchair f’ħanut f’Birżebbugia.

Fil-filmat jidher li din l-omm qegħda tixtri u ħin minnhom wara li bdiet tikkalkula xi flus biex tixtri, tħalli t-tarbija fil-pushchair biswit il-bieb. Kif jidher fil-filmat il-mara tidher ħierġa bil-puschair mill-ħanut bla problemi ta’ xejn.

L-istorja bdiet minn status fuq Facebook li fih persuna allegat li li ħabiba tagħha marret tixtri minn ħanut f’Birżebbugia u żewġ persuni Afrikani daħlu fil-ħanut u ħatfulha l-pushchair bit-tarbija ġo fiha. Fl-istatus jingħad wkoll li persuna li kienet barra l-ħanut waqqfet dan l-allegat ħtif.

Investigazzjoni ta’ tvm.com.mt uriet li din l-istorja kienet ivvintata. Madankollu wara l-omm għamlet kuntatt magħna u baqghet issostni l-verżjoni tagħha.

Sorsi qrib il-Pulizija qalu lil tvm.com.mt li l-mara veru għamlet rapport fl-għassa ta’ Raħal Ġdid.

tvm.com.mt tkellem ma’ sid il-ħanut John Muscat li qalilna li l-Pulizija marru fuq il-post biex jindagaw l-allegat ħtif u anke raw il-filmat tal-kameras tas-sigurtà u fl-ebda ħin ma rriżulta dak li ġie allegat mill-mara.

tvm.com.mt ipprova jieħu kumment ta’ din il-mara, iżda din qalet li ma tħossx li għandna tagħtina kummenti.

Ara hawnhekk il-filmat tal-kamera tas-sigurtà:

 

Ara wkoll:

Storja fuq Facebook toħloq allarm fost il-ġenituri