Kronaka
ESKLUSSIVA: Id-Dwana u l-Pulizija jaqbdu mat-800,000 sigarett bil-kuntrabandu minn fuq il-baħar

Raġel minn Ħal Qormi qed jinżamm arrestat wara li allegatament inqabad fil-fatt idaħħal minn fuq il-baħar ammont konsiderevoli ta’ sigaretti bil-kuntrabandu.

Minn stħarriġ esklussiv li għamel TVM jirriżulta li b’kollox instabu mat-800,000 sigarett, li jammontaw għal 40,000 pakkett.

Kienu ħabta tal-5.15am, xħin fl-Għassa tal-Qawra daħlet telefonata anonima li fuq il-moll fiż-żona magħrufa bħala Tal-Veċċja f’San Pawl il-Baħar qed jitniżżlu kaxxi minn fuq powerboat u jitgħabbew fi vann.

Fuq il-post marru l-Pulizija tad-Distrett fejn sabu vann Fiat Ducato mimli kaxxi, kollha sigaretti. Madankollu l-powerboat laħqet ħarbet ‘il barra sakemm waslu l-Pulizija. Fuq il-post issejħu l-uffiċjali tal-infurzar tad-Dwana li qed imexxu l-investigazzjonijiet, assistiti mill-pulizija.

Malli fetħu l-kaxxi, tad-Dwana u l-Pulizija kkonfermaw li fihom hemm sigaretti bil-kuntrabandu.

Il-persuna li kienet qed tagħmel użu mill-vann ġiet arrestata.