Barranin
ESKLUSSIVA: Tara l-pont jiġġarraf quddiem għajnejha

Telgħu għal 43 il-vittmi tat-traġedja li seħħet f’Genova nhar it-Tlieta meta ġġarrfet parti sostanzjali tal-ponte Morandi. Is-Sibt sar il-funeral statali ta’ 19 minn dawn il-vittmi. TVM tkellem ma’ żagħżugħa minn Genova li fil-ħin tal-inċident kienet propju taħt il-pont.

Silvia Vieri, żagħżugħa minn Genova, nhar it-Tlieta kienet passiġġiera fil-karozza mal-għarus tagħha u fil-ħin li ġġarraf Ponte Morandi huma kienu eżatt taħt il-pont, fi triqithom lejn kumpless ta’ ħwienet. F’intervista ma’ TVM tirrakkonta dak kollu li għaddiet minnu. Tgħid li fost dak li qatt mhu se tinsa hemm is-silenzju kbir malli waqa’ l-pont u l-karozza ta’ quddiemhom titgħaffeġ minn trailer li waqa’ minn fuq il-pont.

Silvia Vieri qalet li “f’waqt minnhom rajna bħal sħaba ta’ duħħan fuq il-pont, imbagħad kien hemm sajjetta minħabba l-maltemp u l-pont bħal qisu dab u waqa’ fuqu nnifsu. Il-karozza ta’ quddiemna ntlaqtet minn trailer li waqa’ minn fuq il-pont…Kien hemm silenzju. Ma kienx hemm kaos mill-ewwel, assolutament. Kien hemm ilma, ħafna ilma, ħafna xita. Ma kienx hemm iżjed duħħan minħabba li l-ilma beda jwarrab id-duħħan. Kien hemm riħa ta’ gas, wires tal-elettriku maqlugħin, biċċiet tal-ġebel, imma kien hemm propju silenzju.”

Silvia Vieri qaltilna li minbarra t-trawma għal dak li rat iseħħ quddiemha, u wkoll minbarra l-uġigħ ta’ qalb meta taħseb fil-mejta, hi bħal ħafna nies minn Genova għandha rabja kbira għal dawk li kienu responsabbli li jaraw li jsiru x-xogħlijiet neċessarji biex dan il-pont ma jiġġarrafx.

“Din kienet propju straġi għaliex kienet ir-riżultat tan-negliġenza ta’ xi ħadd li ma kienx jaf iżomm stabbli l-infrastruttura ta’ Genova…
U issa minbarra l-istraġi li kien hemm, is-swidija tal-qalb minħabba l-vittmi, wieħed jaħseb għal dak li se jseħħ ‘il quddiem, jiġifieri t-turiżmu u l-kummerċ. Genova issa hi maqtugħa minn kollox. Qerdu belt” qalet Silvia.

Mas-sebħ is-Sibt filgħodu tneħħa l-vann li kien sar meqjus bħala simbolu ta’ din it-traġedja minħabba li s-sewwieq tiegħu rniexxielu jwaqqaf il-vann ftit metri biss bogħod minn fejn iġġarraf il-pont.

Intant, is-Sibt ukoll sar il-funeral statali ta’ 19 mill-41 vittma ta’ din it-traġedja f’Genova. Preżenti l-President tal-Italja Sergio Mattarella u l-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte. Attendew ukoll l-plejers ta’ Genoa u Sampdoria, lebsin abjad u blu rispettivament. F’dan it-tmiem il-ġimgħa ġew posposti l-logħbiet li Genova kellhom jilagħbu kontra Milan, u Sampdoria kontra Fiorentina.

Fl-omelija, il-Kardinal Angelo Bagnasco, li huwa wkoll l-Isqof ta’ Genova, qal li dan id-diżastru ħalla ferita profonda fil-qalb ta’ Genova. Qal li madankollu l-belt ta’ Genova mhux se taqta’ qalbha għax ir-ruħ taċ-ċittadini tkompli tikkumbatti.

Aħbarijiet Oħra
Barranin

Fir-Renju Unit tibqa’ tbaqbaq il-kontroversja dwar konsulent ewlieni tal-Prim Ministru Boris Johnson, Dominic Cummings minħabba li dan injora l-pariri tal-Awtoritajiet u xorta vvjaġġa waqt il-lockdown meta l-mara tiegħu kienet marida…

Barranin

Mill-ewwel ta’ Lulju, kull min jidħol fi Spanja mhux se jitqiegħed taħt kwarantina obbligatorja ta’ ġimagħtejn. Dan tħabbar mill-Ministeru għas-Saħħa Spanjol hekk kif qal li minn Lulju se titneħħa l-miżura…

Barranin

Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson ddefenda wieħed mill-konsulenti tiegħu Dominic Cummings li waqt li l-pajjiż kien qiegħed f’lockdown, dan ivvjaġġa minn Londra lejn Country Durham minkejja li kellu s-sintomi tal-Coronavirus….

Barranin

Fir-Renju Unit, tissokta il-kontroversja dwar l-id il-leminija tal-Prim Ministru Boris Johnson, Dominic Cummings. Il-Prim Ministru Boris Johnson appoġġja lill-konsulent ewlieni tiegħu u qal li Cummings ma kellu ebda alternattiva oħra…

Aktar