Esperiment fil-Belt Valletta jindika l-preġudizzju li hawn fuq l-irġiel

‘Popolin’ għamel esperiment żgħir fil-Belt Valletta, fejn raġel beda jgħajjat ma wiċċ il-partner tiegħu, wara ftit minuti raġel li kien miexi għal-affari tiegħu ħass li għandu jiddefendi lil mara u kkalma s-sitwazzjoni. L-istess atturi għamlu l-istess esperiment din id-darba il-mara bdiet tgħajjat u tgħajjar lir-raġel biss ħadd ma waqaf jiddefendi lir-raġel.

Dan l-esperiment sar kemm il-darba matul is-snin, u r-riżultat kien u għadu l-istess. Rigward dan it-terapista u sesswologu Matthew Bartolo irrefera għal-esperiment simili li kien sar ftit taż-żmien ilu fejn il-mara kienet ta’ statura ikbar minn dik tar-raġel biex jiġi evitat xi tip ta’ preġudizzju li r-raġel huwa iktar b’saħħtu mill-mara, biss ir-riżultat kien l-istess; dawk li kienu fil-viċin u għalhekk bdew jaraw l-argument jew bdew jiġbdu vidjow, jew ippuntaw subgħajhom jew bdew jidħku bis-sitwazzjoni.

Bartolo esprima l-inkwiet tiegħu meta jara lis-soċjetà għad għandha din it-tip ta’ attitudni. “Meta nagħtu l-idea li r-raġel huwa dejjem l-aggressur u dak li huwa l-iktar vjolenti, nkunu qegħdin kważi kważi ngħidu li hija aċċettabbli l-mara tgħolli leħinha jew idejha fuq ir-raġel. F’każijiet bħal dawn nħoss li għandna bżonn nitkellmu fuq vittma u l-aggressur iktar milli raġel u mara” tenna Bartolo.

Żied jgħid li bħala soċjetà irridu nersqu l-bogħod mill-idea li biex tkun raġel għandek tkun vjolenti. L-istess bħal ma nsibu rġiel li meta jħossu ċertu rabja jsiru vjolenti, hemm ukoll nisa li jagħmlu dan l-aġir u fiż-żewġ każijiet huwa ħażin. Din it-tip ta’ mġieba ma għandiex tirrapreżenta l-ġeneru tar-raġel, għaliex ftit huma l-irġiel li jesprimu l-frustrazzjoni tagħhom b’dan il-mod meta komparat mal-ġeneru tal-irġiel sħiħ.