Lokali
Esperjenzi waqt il-pandemija ddokumentati fl-Arkivji Nazzjonali

Ftit wara li faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19 sena ilu, l-Arkivji Nazzjonali fir-Rabat ħareġ bl-idea li bħala parti mill-Proġett Memorja jistieden lill-pubbliku biex jiddokumenta dak li kien għaddej minnu waqt il-pandemija u jibgħathom lill-Arkivji Nazzjonali. Waqt li l-istedina għadha miftuħa, in-nies ipparteċipaw f’din l-inizjattiva b’metodi differenti, ewlenin fosthom iż-żamma ta’ djarju.

Sa llum fl-Arkivji Nazzjonali, ir-Rabat, iddaħħlu 40 sottomissjoni mill-pubbliku dwar kif għex il-pandemija tal-Covid-19. L-assistenta fl-Arkivji Nazzjonali, Rachelle Mizzi, qalet li kienu diversi l-metodi li n-nies użaw biex jiddokumentaw dak li kienu għaddejjin minnu, speċjalment sena ilu.

“Aħna bdejna nenfasizzaw il-kitba tad-djarji f’April 2020 u dawn importanti ħafna għax fihom il-persuni jkunu qegħdin jiddokumentaw l-emozzjonijiet personali tagħhom.”

Minbarra d-djarji, kien hemm min bagħat ritratti marbuta mal-pandemija f’Malta. Każ minnhom hu ta’ persuna li ddeċidiet li tiddokumenta l-pandemija b’ritratt għal kull ġurnata. Ta’ interess partikolari, filmat li barranija li kienet tgħix Malta bagħtet lill-Arkivji Nazzjonali.

“Barra ritratti u djarji rċevejna materjal bħal per eżempju filmati. Għandna każ partikolari fejn studenta li kienet qed toqgħod fil-University residence bagħtitilna filmat li juri l-istudenti minn xiex għaddew minħabba li kien hemm ċans li din ir-residence kienet se tagħlaq minħabba l-pandemija. Riedu jaraw x’se jagħmlu, fejn se jmorru joqogħdu, kien hemm biċċiet minnhom kienu inkwetati u stressjati għax il-borders kienu magħluqin allura ma setgħux imorru lura lejn pajjiżhom. Barra dawk għandna wkoll kitba kreattiva u anke poeżiji.”

Fost is-sottomissjonijiet li rajna jispikkaw l-esperjenzi ta’ xi anzjani. Evidenti l-effett li ħalla fuqhom iż-żmien li kellhom joqogħdu magħluqin fi djarhom bħala mezz ta’ prekawzjoni. Jitkellmu fuq il-fatt li ma setgħux jiltaqgħu iżjed mat-tfal u n-neputijiet u lanqas ma’ sħabhom anzjani oħra.

L-amministratur tal-Proġett Memorja, James Baldacchino, spjega li din il-pandemija hi waħda mit-temi fi proġett usa.

“Dan il-proġett beda f’Jannar ta’ 2017..Apparti t-tema tal-Covid għandna temi oħra bħal tat-Tieni Gwerra Drinjija, immigrazzjoni, emigrazzjoni, l-Ingliżi f’Malta, l-amministrazzjoni pubblika, u aħna morna oltre mill-oġġettiv tal-arkivji tradizzjonali.”

James Baldacchino qal li hu u kollegi oħra fl-Arkivji Nazzjonali qed imorru huma f’komunitajiet, ibliet u rħula u jiġbru intervisti min-nies li qed jgħixu ċertu esperjenzi mill-qrib/ Qal li t-tema tal-Covid-19 għadha miftuħa għal min jixtieq jibgħat xi materjal, biex ġenerazzjonijiet oħra jkollhom dokumentat dak li għaddew minnu n-nies li għexu f’Malta f’din il-pandemija.