Kultura
Espert Malti dwar Caravaggio jemmen li din mhix xogħol il-pittur

Inxtrat għas-somma li tista’ titqies bħala fenomenali, iżda jibqa’ dubju jekk pittura ta’ Ġuditta taqta’ ras Holoferne hix ta’ Caravaggio jew le. Xerrej misterjuż fi Franza xtara din il-pittura iżda l-Kap tad-Dipartiment tal-Arti u l-Istorja fl-Università ta’ Malta, Keith Sciberras tefa’ dubju dwar jekk din hix ta’ Caravaggio.

Il-pittura ta’ Ġuditta taqta’ ras Holoferne nxtrat minn persuna mhux magħrufa filwaqt li għadha għaddejja l-kontroversja jekk din il-pittura hix ta’ Michelangelo Merisi da Caravaggio. Fi Franza fejn din il-pittura nstabet f’kamra fuq il-bejt, l-espert Franċiż tal-arti klassika, Eric Turquin jemmen li din il-pittura fuq il-kanvas hija ta’ Caravaggio u li saret fil-bidu tas-seklu sbatax.

Mhux tal-istess fehma il-Professur Keith Sciberras, il-Kap tad-dipartiment tal-Arti u l-Istorja fl-Università ta’ Malta, u espert dwar Caravaggio.

”Huwa kwadru validu ħafna, kwadru impitter minn artist viċin ħafna ta’ Caravaggio u veru li hawn scholars li jaħsbu ġenwinament li huwa tiegħu, u hawn daqstant numru ieħor kbir ta’ scholars fosthom jien, li naħsbu li mhux ta’ Caravaggio.”

Ix-xerrej misterjuż li xtara din il-pittura ħallas prezz ġmielu. Biss biss kienet stmata li tiswa sa 150 miljun ewro u laħaq xtraha qabel ma kienet se tinbiegħ f’irkant f’Toulouse. L-irkantatur Marc Labarbe kkonferma li l-pittura inbiegħet iżda baqa’ fommu sieket dwar il-prezz li ħallas għaliha. Qal biss li l-pittura se tittieħed minn Franza u x’aktarx titpoġġa f’wieħed mill-mużewijiet importanti.

Il-Professur Sciberras ha sehem fi studju li għamel il-mużew Louvre biex jiddeċiedi jekk għandux jixtri dan il-kwadru fuq il-mertu li kien ta’ Caravaggio. Iżda wara analiżi dettaljata, fi Frar li għadda, il-Louvre rrifjuta dan il-kwadru.

”U kienu għamlu Scholar days li jien pparteċipajt fihom ukoll, u l-pożizzjoni finali tal-Louvre wara analiżi dettaljata kienet li qagħdu fuq il-kelma ta’ diversi esperti u ħallew il-kwadru jitlaq.”

Il-Professur Sciberras xorta huwa tal-fehma li dan il-kwadru se jispiċċa esebit f’wieħed mill-mużewijiet ewlenin, x’iktarx il-Metropolitan fi New York. Michelangelo Merisi di Caravaggio għandu pittura oħra bit-tema ta’ Ġuditta taqta’ ras Holofernes li tinsab għall-wiri f’Palazzo Barberini f’Ruma.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Fi tmiem laqgħa tal-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela, qal li l-Kunsill qabel fuq għadd ta’ punti b’eċċezzjoni għall-Assoċjazzjoni Medika li ma tridx li jsiru attivitajiet bħal…

Kultura

Giuseppe Calì għandu rabta qawwija mal-Knisja tad-Dumnikani fil-Belt, mhux biss b’xogħlijiet ta’ arti tiegħu imma għax tgħammed u għammed lil uliedu f’din il-knisja. Fl-aħħar sena u nofs sar xogħol ta’…

Ambjent

L-għawwiema din is-sena wisq probabbli li qed jirnexxielhom jiskansaw xi tniggiża minn xi brama. Dan minħabba li l-klima sħuna ta’ din is-sena wasslet biex il-qatgħet ta’ bram jidħol qabel beda…

Infrastruttura

Il-proġett tal-parkeġġ pubbliku f’Birżebbuġa, biswit il-Port Ħieles, daħal fil-fażi tal-evalwazzjoni. Fi stqarrija l-Gvern qal li tmien kumpaniji wrew l-interess tagħhom f’dan il-proġett, li se jsir b’investiment ta’ €3.2 miljun mill-Ministeru…

Aktar