Qorti
Keith Schembri mistenni jissejjaħ biex jixhed fil-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech

Fis-seduta li jmiss tal-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech mistennija jissejħu biex jixhdu Keith Schembri u Melvin Theuma.

Dan irriżulta fi tmiem l-istess kumpilazzjoni li qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello fejn Fenech qed jiġi mixli li kien il-mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

fil-fatt il-Pulizija temmen li Fenech huwa l-moħħ wara d-delitt li seħħ fis-16 ta’ Ottubru 2017.

Matul is-seduta xehdu numru ta’ esperti forensiċi li kienu involuti fl-investigazzjoni tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ.

Pulizija u suldati xehdu dwar l-involviment tagħhom fl-investigazzjoni u t-tfittxijiet fejn ħareġ li minn qiegħ il-baħar ħdejn it-tinda tal-patata fejn kienu arrestati l-aħwa George u Alfred Degiorgio u Vince Muscat instabu sitt telefons ċellulari.

L-aħwa Degiorgio jinsabu mixljin li wettqu d-delitt mentri Muscat qed jiskonta piena ta’ 15-il sena ħabs wara li ammetta l-involviment tiegħu fil-qtil.

Il-prosekuzzjoni f’din il-kumpilazzjoni qed titmexxa mis-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra bl-għajnuna tad-Deputat Avukat Ġeneral Philip Galea Farrugia.

Fenech għandu jiddefendih lill-Avukati Marion Camilleri, Charles Mercieca u Gianluca Caruana Curran.

Il-familja Caruana Galizia għandha jidhru għaliha lill-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia.

Is-seduta li jmiss se ssir fl-14 ta’ April.

10.45 am L-ewwel xhud se tkun Dr Katya Vassallo li qalbet ix-xiehda ta’ Matthew Caruana Galizia, iben il-vittma, mil-lingwa Ingliża għal dik Maltija. Hija għaddiet ir-rapport lill-Maġistrat.

10.48 am It-tieni xhud se jkun Dr Ali Safraz, patologu li kien involut fl-awtopsja, fejn qal li Caruana Galizia mietet bil-ġrieħi kkaġunati mill-isplużjoni.

10.58 am Ix-xhud li jmiss huwa Dr Mario Scerri li ppreżenta rapport. Dr Scerri kien tqabbad biex jeżamina x-xena tad-delitt.

11.04 am Dr Daniel Vella, espert fl-isplussiv, qed jixhed dwar l-analiżi li għamel fuq traċċi tal-isplussiv fuq ix-xena tar-reat. Fost it-traċċi kien hemm it-TNT.

11.10 am Issa qed jixhdu numru kbir ta’ pulizija li b’mod jew ieħor kienu nvoluti fil-każ. Huma qed jikkonfermaw rapporti li ħejjew jew li kellhom sehem fihom.

12.00 L-aħħar xhieda qed jitkellmu dwar l-involviment tagħhom fit-tfittxijiet li saru waqt l-investigazzjoni tal-Pulizija.

12.45 pm Wara li xehdu l-pulizija issa se jixhdu bugħaddasa tal-Forzi Armati ta’ Malta li kienu nvoluti fit-tfittxijiet ħdejn it-tinda tal-patata fil-Marsa fejn kienu jiltaqgħu l-aħwa Degiorgio u Muscat.

12.46 pm Il-Kaptan Matthew Sant isemmi kif ġabru sitt telefons ċellulari minn qiegħ-il baħar u għaddewhom lill-Pulizija.

1.15 pm Il-prosekuzzjoni tinforma lill-Maġistrat Montebello li daqshekk xhieda għal-lum.

1.20 pm Is-seduta li jmiss fl-14 ta’ April fl-10 am fejn fost ix-xhieda mistenni jkun hemm Melvin Theuma jekk saħħtu tippermetti.

Fis-seduta preċedenti x-xiehda tiegħu twaqqfet wara li ħassu ma jiflaħx u wara rriżulta li kien pożittiv għall-Covid-19.

L-avukati ta’ Fenech qed jinsistu wkoll li jissejjaħ Keith Schembri biex iwieġeb għall-mistoqsijiet tagħhom.