Lokali
Esplora: il-ħlas ta’ dħul għall-anzjani inqas min-nofs dak regolari – il-carers tagħhom jidħlu b’xejn

Il-ħlas għad-dħul tal-anzjani fiċ-Ċentru Interrattiv għax-Xjenza, l-Esplora, ser ikun anqas min-nofs dak regolari. Il-carers li jakkumpanjaw l-anzjani, se jibdew jidħlu b’xejn.

Dawn l-arranġamenti tħabbru waqt l-iffirmar ta’ ftehim ben il-Kunsill għax-Xjenza u t-Teknoloġija u l-Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva li jaħseb għal skont fuq servizzi oħra mill-post.

Bil-ftehim, gruppi ta’ anzjani se jkunu jistgħu jieħdu sehem f’workshops li tfasslu apposta għalihom.

Iċ-chairman tal-Kunsill, Jeffrey Pullicino Orlando, qal li ftehim bħal dan huwa kruċjali biex tkompli tinbidel il-preċezzjoni tal-pubbliku lejn ix-xjenza u t-teknoloġija. Qal li l-anzjani jistgħu jżuru l-Esplora b’moħħhom mistrieħ għaliex hemm fis-seħħ il-miżuri kollha rakkomandati mill-awtoritajiet tas-saħħa biex titrażżan l-imxija.

Il-Ministru Michael Farrugia, qal li sal-aħħar ta’ Frar se jkunu tlaqqmu kontra l-Covid-19, l-anzjani kollha fid-djar tal-anzjani tal-Gvern, privati u dawk bi sħab bejn il-Gvern u l-privat u min jieħu ħsiebhom.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li l-innovazzjoni ma tiddeterminahiex l-età tal-individwu imma kemm dak li jkun ikun miftuħ għall-progress u għal għarfien ta’ ideat u soluzzjonijiet ġodda.