Lokali
Estiż iż-żmien għall-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Waqt li llum kompliet tinstema’ l-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, l-Imħallef Emeritu Michael Mallia qara t-tweġiba li rċieva mingħand il-Prim Ministru Robert Abela dwar l-estensjoni taż-żmien għall-inkjesta pubblika sal-15 ta’ Diċembru tal-2020. Il-Prim Ministru laqa’ t-talba.

B’reazzjoni l-avukat Therese Commodini Cachia, f’isem il-familja Caruana Galizia, qalet li  l-familja ta’ Daphne Caruana Galizia ffaċċjat sentejn mimlija ostakli biex tinħatar inkjesta pubblika. Semmiet kif il-familja kellha diversi laqgħat, inkluż mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, biex tinħatar din l-inkjesta. Qalet li dan kollu qiegħed isir taħt l-obbligu tal-Istat li jwettaq din l-inkjesta.

Dr Comodini Cachia żiedet tgħid li fadal numru ta’ xhieda x’jidhru quddiem il-Bord tal-Inkjesta u li kemm il-bord, kif ukoll il-familja għandhom bżonn ħin diċenti sabiex iħejju ruħhom għal dawn ix-xhieda. Qalet ukoll li l-familja teħtieġ ħin biex tħejji s-sottomissjonijiet konklussivi tagħha bil-miktub, u wara l-Bord jagħmel ir-rapport tiegħu. Saħqet li dan kollu jirrikjedi ħin adekwat u li l-bord ma għandux jiġi mfixkel b’terminu qasir li l-Prim Ministru qed jesiġi.

Min-naħa tiegħu, l-Imħallef Emeritu Mallia qal li huma talbu sal-aħħar Diċembru għax ma kinux jafu li jeħtieġ ikun hemm aktar żmien.

L-Imħallef Abigail Lofaro qalet li kien hemm xahrejn u nofs moħlija minħabba l-pandemija. Żiedet tgħid li hi għandha xogħol ieħor xi twettaq ukoll fil-Qorti tal-Familja u mhix se tlaħħaq.

Intant il-bord ra l-verbal u rriserva li jwieġeb fi stadju ieħor.

Jixhed l-Inġinier James Camenzuli

Għall-ħabta tal-10am xehed l-Inġinier James Camenzuli. Huwa nħatar il-Kap Eżekuttiv ta’ Projects Plus mit-28 ta’ Jannar, 2019, u għadu jokkupa din il-kariga sal-lum. Qabel kien Chairman ta’ Projects Malta. Huwa kien Charmain tal-Bord ta’ evalwazzjoni għall-konċessjoni tat-tliet sptarijiet.

Meta kien mistoqsi dwar il-proġett tal-Electrogas huwa qal li ma kien involut bl-ebda mod f’dan il-proġett. Qal li Electrogas ma tissemmiex fl-irwol ta’ Projects Malta jew Projects Plus. Qal li l-kuntratt tal-Electrogass qatt ma ġie quddiemu.

Dwar il-kuntratt tal-Vitals Globbal Healthcare qal li meta daħal fil-kariga ma’ Projects Malta id-deċiżjoni kienet diġà ttieħdet. Stqarr li huwa kien għadu CEO fl-FMS  u kien ġie mqabbad biex ipoġġi fuq il-bord tal-evalwazzjoni għas-sottomissjonijiet fuq il-konċessjoni tal-isptarijiet skont l-RFP li ħarġet Projects Malta u fl-aħħar kellhom jaraw minn kien il-preferred bidder.

Spjega li l-irwol tiegħu kien Chairman tal-bord. Qal li l-bord iltaqa’ madwar 10 darbiet biex għamel l-evalwazzjoni. Spjega li kien hemm 3 bids. Qal li r-rapport tan-Nutar Burlo kien jgħid li ġew iċċekkjati r-rikwesti li kienu konformi u li tnejn mill-bids ma kinux konformi. Għalhekk minn 3 spiċċaw b’waħda li kienet tal-VGH.

Kompla jispjega li ddeċidew li bħala bid kienet komprensiva ħafna u talbu l-assistenza mill-aspett mediku. Huma appuntaw li Charles Grixti minħabba li fil-bord ma kienx hemm kompitenza medika. Dwar id-due diligence qal li huma għamlu analizi finanzjarja dettaljata.

L-Inġinier Camenzuli qal li l-VGH taw prova solida u konkreta, b’comfort letters dwar il-finanzjament, l-att mediku u tekniku kif u mill-att tal-operat.

Qal li VGH kienu jidhru li huma konvinċenti u spjega li bħala bid kien hemm provi li l-informazzjoni li qed jiddikjaraw hemm min se jagħmel tajjeb għalihom. Qal li Price Water House Coopers, ifformalizzat il-bid, f’isem il-VGH. Spjega wkoll li Share Capital tal-VGH, Oxley Group kienu involuti fl-equity ta’ 9 miljuni. Qal li Oxley Group (kumpanija tal-investiment, li investew fi sptarijiet u real estates) kellhom ittra ta’ konformi minn diversi banek, mill-Bank of India, Alliance, Bank of Singarpore li ddikjaraw li ser isselfuhom għall-investiment. Kellhom ukoll numru ta’ professuri barranin li kienu ser jidħlu finanzjarjament.

Medical Association of North Virginia, esperti barranini ddikjaraw li ser jipprovdu diversi esperti. Qal li kellhom il-backup kollu mediku fil-bid ukoll.

Spjega wkoll li fil-bid kien hemm is-CV ta’ Ram Tumuluri. Qal li r-rakkomandazzjoni tal-bord kien li l-preferred bidder kien il-VGH u li l-Gvern seta’ jibda n-negozjati magħhom. Temm jgħid li l-bord ma kienx involut wara li ssottomettew ir-rapport lill-Projects Malta.

Jixhed il-Ministru Michael Farrugia

Waqt ix-xhieda tiegħu quddiem il-bord tal-inkjesta dwar jekk setax jiġi evitat il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Ministru Michael Farrugia qal li l-irwol tiegħu fil-Gvern mill-2013 sal-aħħar t’April 2014 kien ta’ Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli mill-Ippjanar. Sal-2017 kien responsabbli mis-Solidarjetà Soċjali u wara l-2017 sa Jannar tal-2020, kien Ministru tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, mentri minn din is-sena nħatar Ministru għall-Enerġija.

Il-Ministru Farrugia qal li l-ħatra tal-Kummissarju kienet tiġi mill-Prim Ministru filwaqt li fi żmienu ma nbidilx il-Kummissarju.
Mistoqsi jekk bħala Minsitru kienx ikun informat b’reati serji jew tal-amministrazzjoni biss, il-Ministru Farrugia wieġeb li f’każi ta’ ċertu portata kien jiġi infurmat mill-ewwel, ir-responsabbiltà bħala Minsitru kien li jara li l-Pulizija għandhom l-għodod kollha biex jaħdmu, inkluż fl-investigazzjoni.

Ftit wara d-delitt, qal li ġie infurmat li kien hemm karozza bomba u probabbilment il-vittma kienet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u li l-Pulizija kienu sejrin fuq il-post biex ikomplu l-investigazzjoni. Huwa mill-ewwel offra lill-Kummissarju li jinġiebu l-għodod kollha minn barra u offra li anki jkun hemm għajnuna minn investigaturi barranin.

Huwa qal li dakinhar stess, ikkorrisponda mal-Ministru tal-Intern Olandiż fejn talab il-permess biex jintbagħtu l-investigaturi Olandiżi biex in Netherlands Forensic Institute jkunu jistgħu jiġu Malta, wara li offrew li jiġu. Qal li kien hemm bżonn l-approvazzjoni tal-Ministru u li filgħaxija stess ta’ dakinhar, qal kien hawn diġà xi ħadd mit-tim f’Malta.

L-involviment tiegħu bħala Ministru kien minimu, lill-Pulizija ftit li xejn kien jitlobhom informazzjoni u l- Pulizija min-naħa tagħhom kienu jżommuh aġġornat dwar l-investigazzjoni.

Dwar jekk kienx iżomm lill-Kabinett infurmat, qal li xogħlu mhuwiex ta’ investigatur u l-irwol tiegħu ma kienx li jinforma lill-Kabinett dwar dettalji fuq l-investigazzjoni.

Dwar l-allegazzjonijiet ta’ involviment ta’ persuni viċin il-Gvern, il-Ministru qal li l-irwol tiegħu huwa li jagħti l-għodda u mhux li jidħol fl-investigazzjoni, jagħmel briefing tal-investigazzjoni. Qal li huwa qatt ma qabbad lill-Pulizija jinvestigaw jew iressqu lil xi ħadd jew qatt waqqaf investigazzjoni milli ssir.

Qal li bħala Kap tal-Istat, il-Prim Ministru kien jiġi mgħarraf minn sorsi oħra. Qal li seta’ kellu briefings oħrajn mill-Korp tal-Pulizija.

Huwa kien mistoqsi dwar il-konferenza tal-aħbarijiet mogħtija nhar l-4 ta’ Diċembru, 2017 mill-Prim Ministru dwar l-arrest tal-10 suspettati. Il-Ministru Farrugia qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat kien għadda l-informazzjoni waqt il-konferenza.

Dwar l-involviment tal-FBI qal li ġiet mill-ewwel mill-Pulizija. Min-naħa tal-Europol qal li huwa kull meta ltaqa’ magħhom barra u f’Malta, irringrazzjahom tas-servizz u qal li l-Pulizija Maltija hija disponibbli għall kull kollaborazzjoni li jkun hemm bżonn, kif ġara.

Mistoqsi dwar l-offerta tal-miljun Ewro, qal li din ħarġet mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Stqarr li kull darba li saru arresti ma sarux permezz ta’ informazzjoni minn barra u li dak ir-rigal qatt ma ngħata.

Il-Ministru Farrugia qal li kien hemm persuni fil-korp li ma kellux fiduċja fihom u li ser jgħaddi l-informazzjoni dwarhom fil-magħluq, minħabba li għadejjin l-investigazzjonijiet. Stqarr li l-uniku żewġ każi ta’ karozzi bombi li seħħew fi żmienu, il-persuni li huwa allegat li kienu wara l-bombi ġew imressqa l-Qorti.

Dwar kif għaddiet informazzjoni dwar l-arresti qal li meta kienet tgħaddilu informazzjoni kien jaċċerta li jkun waħdu fl-uffiċċju. Qal li jekk kien hemm persuni li kienu qed jgħaddu informazzjoni, il-Pulizija għandha tinvestiga min għadda din l-informazzjoni.

Dwar il-Kummisarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar qal li kien old school u li flimkien mas-CEO daħlu teknoloġiji ġodda. Qal li minħabba li kien minn skola antika kien joħlolqu ċertu kwistjonijiet minħabba li bħala Minsitru ried idaħħal teknoloġiji ġodda biex tkompli tavvanza.

Dwar Keith Schembri, qal li fejn kien hemm kwalinkwe informazzjoni dejjem ressaqhom lill-Awtoritajiet ikkonċernati. Qal li fejn kien hemm possibilità wkoll ressaqhom għall-investigazzjoni. Kompla jgħid li minn hemm ‘l hemm ma jsegwix u jħalli f’idejn il-Pulizija.

Qal li meta kien hemm rapporti minn Whistle blowers huwa talab lil Segretarju Permanenti biex jibgħat dak ir-rapport lill-Kummissarju. Stqarr li jekk ikollhom bżonn l-għodda huwa kien jgħaddihielhom.

Dwar 17 Black, il-Prim Imħallef Ermeritu Said Pullicino, staqsa jekk il-Kabinett iddiskutiex żewġ persuni li kienu fil-kabinett li allegatament kienu involuti. Il-Ministru qal li dawk kienu allegazzjonijiet u l-kabinett mhux post fejn isiru l-invetigazzjonijiet. Dwar il-Panama Papers qal li kellu diskussjonijiet one to one mal-Prim Ministru u ma’ persuni involuti. Qal li ma kellux għalfejn jitkellem ma’ Keith Schembri.

Dwar ir-relazzjoni ma’ Keith Schembri, qal li kien jittrata miegħu bħala l-persuna fil-kariga ta’ Chief of Staff. Qal li ma jistax jgħid li ma kinux ħbieb.

Qal li jekk kien hemm korruzzjoni wara l-powerstation tal-Electrogas, għandhom jittieħdu passi, jekk hemm il-provi li hemm affarijiet li saru ħażin, jagħti s-sapport tiegħu. Qal li bħala politiku ma jistax ma jinnotax iċ-ċirkustanzi li fih kellha tiġi salvata l-Enemalta biex il-poplu jkollu security of supply tal-enerġija għall-pajjiż.

Il-Ministru Farrugia qal li ma jistax jaħrab minn deċiżjonijiet li ttieħdu mill-att politiku biex jiġi assigurat li l-pajjiż ikollu l-enerġija.

Dwar il-kitchen cabinet qal li ma kienx jaf bih u żgur ma kienx parti minnu. Qal li Keith Schembri kien jattendi għall-kabinett, ftit kien jinvolvi ruħu, u meta involva ruhu kien meta ntalab mill-Kabinett.

Qal li ma kienx mistieden għall-birthday party tal-Prim Ministru fil-Girgenti.

Dwar il-Panama Papers qal li kien xettiku għax milli kien jara, ir-rapporti dwaru ma kinux preċiżi u ġieli mhux veritieri. Qal li huwa politically naive li wieħed jiftaħ kont fil-Panama għax dawn l-affarijiet ma għandhomx isiru.

Dwar ir-raġuni ta’ Konrad Mizzi qal li xorta qatt ma kellu jagħmilha, anki għar-raġunijiet familjari li semma hu.

Dwar is-17 Black, Keith Schmbri, Konrad Mizzi u Nexia BT, qal li jekk dak li qed jiġi allegat huwa veru għandhom jittieħdu passi. Dwar jekk dawn l-affarijiet (Panama Papers u 17 black) ġewx diskussi fil-Kabinett, il-Ministru qal li qatt ma ddiskuttewha fil-Kabinett, imma l-Prim Ministru ltaqa’ ma’ kull membru fil-Grupp Parlamentari biex jara x’inhi l-opinjoni ta’ kull Ministru, u l-Prim Ministru aġixxa skont dawk il-laqgħat.

Dwar Yorgen Fenech, il-Ministru Farrugia qal li ma kienx jafu u li ltaqa’ darba miegħu, kif iltaqa’ ma’ diversi NGO’s, meta kien Segretarju Parlmentari għall-Ippjanar. Spjega li kien mar ikellmu fuq proġett ta’ land reclamation li kien 23 proġett, wieħed minnhom kien tat-Tumas Group. Il-pjan kien ‘il barra minn Portomaso, proġett ta’ lukanda ta’ 6 stilel. Qal li kien kellmu fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-MEPA. Qal li ma kienx kellmu f’konnessjoni mal-Imrieħel.

Dwar il-policy tal-floor area ratio, qal li fil-każ tal-Imrieħel bid-deċiżjoni tiegħu tnaqqaslu 7,857 metru kwadru, b’valur ta’ miljuni.Qal li kieku kellu jkellmu Yorgen Fenech kien jgħidlu biex iħalli kollox kif inhu fir-rigward tal-FAR u mhux li jibdel. Qal li ma kienx jaf bil-ħbiberija ta’ Yorgen Fenech ma’ Keith Schembri. Dwar jekk ġewx tradutti minn Keith Schembri, qal li kull oġġett li ma jsirx fl-interess tal-Gvern huwa inaċċettabbli.