Lokali
Estiża l-iskema ta’ għotji għal min jixtri vettura elettrika

Il-Gvern estenda għat-tieni darba l-iskema ta’ grant għax-xiri ta’ vetturi elettriċi, kemm minn individwi, kunsilli lokali, NGOs irreġistrati u kumpaniji privati.

Fi stqarrija Transport Malta qalet li flimkien mal-Ministeru għat-Trasport qed testendi din l-iskema b’€150,000 oħra. It-tir huwa li jitnaqqsu l-emmissjonijiet iġġenerati mit-traffiku kawża ta’ vetturi antiki, u minflokhom jinxtraw Battery Electric Vehicles u Battery Electric Quadricycles.

Bejn Jannar u Ottubru ta’ din is-sena l-applikazzjonijiet għall-għotja ntlaqgħu kollha, u bis-saħħa t’hekk żdiedu 54 vettura elettrika fit-toroq Maltin.

L-għotijiet għall-individwi jingħataw kif ġej: €5,000 meta wieħed jirreġistra vettura elettrika M1 jew N1 ġdida jew użata mingħajr ma jiskrepja l-vettura l-antika, €8,000 meta jirreġistra vettura M1 jew N1 li tkun ġdida u jiskrepja vettura li għandha 10 snin jew iktar, u €2,000 meta jirreġistra quadricycle elettrika ġdida jew użata.

F’każ ta’ xiri ta’ vetturi elettriċi użati, dawn ma jrid ikollhom iktar minn sentejn mid-data tal-ewwel reġistrazzjoni u ma jridx ikollhom iktar minn 12,000 kilometru.