Qorti
Etienne Bartolo ikkundannat 5 snin ħabs wara li nstab ħati bil-qtil ta’ Roderick Grech

Etienne Bartolo ġie kkundannat ħames snin ħabs wara li nstab ħati bil-qtil ta’ Roderick Grech.

Il-ġurati – b’sebgħa voti favur u tnejn kontra – sabu lil Etienne Bartolo magħruf bħala ‘il-Vojt’ ħati bil-qtil ta’ Roderick Grech magħruf bħala ‘ċ-China’ f’Birkirkara f’Marzu tal-2017 iżda ddikjaraw li hu aġixxa b’difiża personali eċċessiva.

Il-ġurati ħarġu bil-verdett wara li kien ilhom sitt sigħat jiddeliberaw u sabuh ħati wkoll li kiser il-paċi pubblika u li kien fil-pussess ta’ sikkina.

Il-ġurati semgħu kif l-argument kien fuq ħlas dwar droga.

Il-ġuri beda ġimgħa u nofs ilu u instema’ quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera. Bartolo kien assistiet mil-avukat Edward Gatt u Mark Vassallo. Għal parti ċivili dehru l-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia.

Id-delitt seħħ fl-aħħar ta’ Marzu tal-2017 meta Grech inqatel b’numru ta’ daqqiet ta’ strument li jaqta u jew bil-ponta. Il-vittma, magħruf bħala ċ-‘China’ kien nstab ferut wara li ltaqa’ ma’ Bartolo biex jirranġaw xi ħlas dwar sustanza ta’ droga. Jirriżulta li qam argument bejn it-tnejn, bi Grech ilaqqat numru ta’ daqqiet ta’ sikkina, b’dik fatali tkun f’sidru. Jirriżulta wkoll li qabel ma miet, il-vittma kien lissen il-laqam tal-akkuzat bhala indikazzjoni ghal min seta kien l-agressur.