Unjoni Ewropea
Europe Direct Valletta

Qatt ġejt bżonn informazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea u ma kontx taf fejn tista’ ssaqsi? Jew kellek bżonn tagħmel ilment dwar xi diffikultà meta xtrajt prodott jew servizz minn pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea? Biħsiebek issiefer f’xi pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea u trid tkun taf xi drittijiet għandek meta tivjaġġa, jew f’każijiet ta’ emerġenza, saħħa, studju, xogħol u każijiet oħra?

L-Unjoni Ewropea għandha mal-450 ċentru msejħa Europe Direct, imxerrdin mal-Istati Membri biex jipprovdu din l-informazzjoni u aktar. F’Malta, għandna tliet ċentri minn dawn – Europe Direct Valletta mmexxi mill-MEUSAC, ieħor fl-Università u ieħor f’Għawdex. Dawn iċ-ċentri jirċievu fondi mill-Kummissjoni Ewropea għall-attivitajiet tagħhom u l-iskop tal-ħidma tagħhom hu li jqarrbu liċ-ċittadini lejn l-Unjoni Ewropea.

Għaldaqstant, Europe Direct Valletta jservi ta’ one-stop-shop għal dawk li jkollhom bżonn xi tip ta’ informazzjoni marbuta mal-Unjoni Ewropea. U jekk l-informazzjoni mitluba tkun teħtieġ assistenza speċjalizzata, Europe Direct jidderiġuk lejn wieħed minn diversi uffiċċji speċjalizzati biex jassistu f’każijiet ta’ diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom ċittadini tal-Unjoni Ewropea. Fost dawn iċ-ċentri nsibu dawk għall-konsumaturi, dawk li jimmaniġġjaw programmi ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea bħall-Erasmus+, dawk li jieħdu ħsieb jikkordinaw is-servizzi tas-saħħa meta jkollok bżonn tużahom fi Stati Membri oħra, ir-rikonoxximent tal-kwalifiki, u informazzjoni marbuta ma’ impjieg f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea.

Matul is-sena, bħala MEUSAC u Europe Direct Valletta ntellgħu diversi attivitajiet biex nagħmlu l-Unjoni Ewropea u l-benefiċċji tagħha iktar aċċessibbli għal dawk li jkunu jeħtiġuha. Hekk pereżempju, f’Jum l-Ewropa li jaħbat fid-9 ta’ Mejju, nagħmlu attività quddiem il-bini tal-Parlament li fiha jieħdu sehem ċentri ta’ informazzjoni li għandna f’Malta u li jipprovdu servizzi marbuta mal-Unjoni Ewropea. Lejn l-aħħar ta’ Settembru, nieħdu sehem fil-festival tax-xjenza fil-Belt fejn inqajmu għarfien mat-tfal u l-istudenti. Matul is-sena nagħmlu wkoll kampanji ta’ għarfien dwar suġġetti relatati mal-Unjoni Ewropea.

L-uffiċini tal-MEUSAC u Europe Direct Valletta jinsabu fi Triq ir-Repubblika, ftit ’l isfel mill-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija. Matul is-sena jkollna diversi persuni li jiġu għandna biex isibu materjal ta’ informazzjoni u pubblikazzjonijiet li toħroġ minn żmien għal żmien l-Unjoni Ewropea dwar suġġetti differenti. Ikollna wkoll talbiet minn skejjel u għalliema biex nipprovdulhom materjal ta’ tagħlim adattat għat-tfal. Il-pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea joħorġu kemm bil-Malti u kif ukoll bl-Ingliż.

Għal aktar tagħrif dwar is-servizzi tagħna tista’ żżur is-siti elettroniċi meusac.gov.mt jew europedirectmalta.info, iċċempel 2200 3300 jew 2200 3316, jew tibgħat email fuq [email protected] jew [email protected]

Dan it-tagħrif ġie miġjub lilkom minn: