Lokali
Eurostat: Id-dejn pubbliku f’Malta huwa taħt il-medja fl-UE

Skont il-Eurostat id-dejn pubbliku f’Malta huwa taħt il-medja fl-Unjoni Ewropea u ma qabiżx il-limiti stabbiliti mill-kriterji ta’ Maastricht.

Ċifri maħruġa mill-Eurostat juru li fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena id-dejn pubbliku f’Malta laħaq id-59% tal-Prodott Domestiku Gross, żieda ta’ 4.2% fuq l-aħħar tliet xhur tas-sena li għaddiet u 15.7% fuq l-istess perjodu tas-sena li għaddiet.

Bħala medja d-dejn pubbliku fil-pajjiżi taz-Żona Ewro qabeż il-100 % filwaqt li fost is-27 stat membru tal-UE miss it-93%. Il-limitu stabbilit mit-Trattat ta’ Maastricht huwa ta’ 60%.

Sadanittant f’Malta l-iżbilanċ fil-finanzi pubbliċi, mill-bidu tal-pandemija, żdied biex sa tmiem Marzu kien ta’ 9.8%. Dan ifisser iżda wkoll tnaqqis ta’ punt percentwali u nofs fuq is-sajf tas-sena li għaddiet. F’dan il-każ l-iżbilanċ huwa ogħla mil-livelli stabbiliti mill-kriterji ta’ Maastricht.