Evakwati tliet reġjuni mal-kosta Awstraljana minħabba nirien

F’lejliet l-ewwel tas-sena, mijiet ta’ residenti u persuni oħra li qegħdin fuq btala fin-nofsinhar tal-Awstralja, tul il-Great Ocean Road, kienu evakwati hekk kif it-temp sħun u bir-riħ qed jhedded li jerġa’ jqabbad in-nirien li ħakmu l-bush u li diġà qerdu 116-il dar f’jum il-Milied.

It-temp sħun tas-sajf li qed jagħmel fl-Awstralja qed ikun ta’ theddida akbar biex in-nirien li ilhom jaqbdu għal kważi ġimgħatejn, ikomplu jħeġġu.

In-nar beda b’sajjetta fid-19 ta’ Diċembru u baqa’ jaqbad u jinfirex bl-awtoritajiet stmaw li s’issa n-nar diġà qered aktar minn 2,500 ettaru ta’ art.

Great Ocean Road hija waħda mill-aktar lokalitajiet popolari mat-turisti.