Immigrazzjoni
Evarist Bartolo: fl-UE m’hemmx impenn serju dwar x’jiġri mill-immigranti li jidħlu

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo ddikjara li minkejja li bejniethom ħadulna 10% tal-immigranti li daħlu Malta fis-27 pajjiż membru tal-UE m’hemmx impenn serju biex flimkien jerfgħu parti mir-responsabbilta dwar x’jiġri mill-immigranti li jidħlu minn pajjiżi differenti.

Huwa rrimarka dan fuq il-mezzi soċjali tiegħu fejn sostna li flimkien mal-bqija tal-istati membri tal-UE Malta qed taħdem biex tindirizza din l-isfida.

Bartolo għamilha ċara li żgur ma jistax ikun li jkun hemm iktar nies jegħrqu fil-Mediterran u semma kif din is-sena diġà tilfu ħajjithom b’dan il-mod 500 persuna.

Huwa semma kif mill-2005 sa nofs April li għadda Malta salvat 23,007 immigrant li telqu mil-Libja imma minnhom il-pajjiżi tal-UE ħadulna 2,922, jiġifieri 10%, bil-Ġermanja u Franza jkunu l-iktar li ħadulna.

Waqt li sostna li kull 1,000 immigrant li jidħol Malta qishom daħlu miljun fl-UE huwa tenna li “diġà qed nagħmlu ħafna iżjed minn ħaddieħor”.

Bartolo żied li f’April li għadda telqu mil-Libja 121% iżjed immigrant minn April tas-sena li għaddiet u din is-sena daħlu 6,583 mir-rotta ċentrali tal-Mediterran.

Waqt li l-Gwardja Kostali Libjana ġabret 8,853, Bartolo semma li bħalissa fil-Libja hemm 43,021 refuġjat jew persuna li qed tfittex l-ażil u 4,300 qegħdin fiċ-ċentri tad-detenzjoni.

Huwa kompla li waqt li l-pajjiżi tal-UE jaqblu li din hija traġedja umanitarja u li għandna nistmaw lill-immigranti ta’ bnedmin, huwa nsista li rridu ngħinu lil-Libja tikkontrolla l-fruntieri u lill-gwardji kostali tagħha jiġbru iktar immigranti fid-dgħajjes li jitilqu.

“Bħala Malta ilna sena nimbuttaw biex naslu sa hawn. Fadlilna x’nimbuttaw biex naslu. Issa rridu naraw li ż-żerriegħa tinbet u tikber. Għax niġu ġġudikati bir-riżultati li niksbu mhux bid-diskors li ngħidu fil-konferenzi tal-aħbarijiet”, temm jgħid il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej.