Unjoni Ewropea
Ewropa b’Saħħitha f’Dinja ta’ Sfidi

Bil-motto Ewropa b’saħħitha f’dinja ta’ sfidi, imiss lill-Kroazja tieħu f’idejha l-Presidenza b’rotazzjoni tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-perjodu ta’ sitt xhur bejn Jannar u Ġunju 2020.

Fi kliem il-Prim Ministru Plenkovic, l-erba’ prijoritajiet ewlenin tal-Presidenza Kroata huma: Ewropa li tiżviluppa, Ewropa konnessa, Ewropa li tipproteġi u Ewropa influwenti. Il-Kroazja qed tippjana li tiffoka fuq il-baġit tal-Unjoni Ewropea (UE) li se jkun jeħtieġ spinta wara l-konferma tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, flimkien mal-organizzazzjoni tas-Summit bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent f’Mejju u t-tħejjija għall-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa.

Fl-okkażjoni tal-bidu tal-Presidenza Kroata, ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, flimkien mal-Ambaxxata Kroata f’Ruma, organizzat avveniment f’Dar l-Ewropa, il-Belt Valletta, fis-16 ta’ Jannar 2020. F’din l-okkażjoni, il-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea, Dr Elena Grech, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi tal-Unjoni Ewropea, Dr Stefan Zrinzo Azzopardi u l-Ambaxxatur tal-Kroazja, l-E.T. Jasen Mesić, affermaw mill-ġdid il-valuri Ewropej u impenjaw ruħhom għal sħubija b’saħħitha biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE. L-avveniment kien opportunità tajba għall-parteċipanti biex jiksbu għarfien uniku tal-kultura Kroata, fejn tpaxxew bil-mużika klapa minn grupp tradizzjonali. Il-klapa hija forma ta’ kant tradizzjonali mir-reġjun tad-Dalmazja, u titqies mill-UNESCO bħala Wirt Kulturali Intanġibbli tal-Umanità. Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Presidenza tal-UE tal-Kroazja komplew billi tlibbset ingravata lill-istatwa ta’ Giovanni Nicolò di Papaffy, il-Furjana. L-ingravata twieldet fil-Kroazja fis-seklu 17 u, bit-tqegħid tagħha fuq monumenti differenti fil-bliet kapitali Ewropej, il-Presidenza Kroata tixtieq tkabbar il-kuxjenza dwar id-destin komuni tal-Istati Membri.

Kull sitt xhur, Stat Membru tal-UE jieħu l-Presidenza tal-Kunsill f’idejh. Matul dak il-perjodu, ir-rappreżentanti ewlenin tal-pajjiż jippresjedu l-laqgħat li jsiru f’kull livell tal-Kunsill, u b’hekk jgħinu biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-ħidma tal-UE fil-Kunsill. L-Istati Membri li jkollhom it-tliet presidenzi suċċessivi tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiffurmaw triju ta’ Presidenzi u jaħdmu flimkien fuq perjodu ta’ 18-il xahar, skont programm komuni. Il-Presidenza tipprovdi lill-Istati Membri l-opportunità li jistabbilixxu miri fit-tul u jħejju aġenda komuni. Din l-aġenda mbagħad tiddetermina t-temi u l-kwistjonijiet ewlenin li ser jiġu indirizzati mill-Kunsill għal 18-il xahar.

Il-Presidenza Kroata qed isseħħ fi żmien ta’ bidla kbira, wara kompożizzjoni ġdida tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-isfidi li jirriżultaw mill-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE. Il-Kroazja qalet li ffokat il-prijoritajiet tagħha fuq il-bini ta’ Ewropa b’saħħitha fid-dawl ta’ dawn l-isfidi. Hawnhekk nagħtu ħarsa lejn il-prijoritajiet ewlenin tal-Kroazja għal 2019/2020.

Ewropa li tiżviluppa

Il-Kroazja qalet li l-isfidi l-ġodda għall-ekonomija u s-suq tax-xogħol ġew wara rivoluzzjoni diġitali. Se tagħti prijorità lill-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, aċċessibilità akbar għat-tagħlim ta’ kwalità għolja tul il-ħajja, u impenn akbar lejn is-suq uniku.

It-titjib tal-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tal-Unjoni jirrikjedi żvilupp ulterjuri ta’ politiki li joħolqu kundizzjonijiet aħjar tax-xogħol u tal-għajxien. Il-Presidenza ser tagħti prijorità wkoll lit-tkabbir ekonomiku filwaqt li tagħti importanza lill-protezzjoni tal-ambjent u lill-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Ewropa konnessa

F’dinja li qed issir dejjem aktar konnessa permezz ta’ innovazzjonijiet diġitali ġodda, il-progress tal-UE jiddependi fuq il-fatt li wieħed ikollu network ekonomiku u li jagħmel użu sħiħ kemm mir-riżorsi umani kif ukoll dawk infrastrutturali. Il-Presidenza Kroata rrikonoxxiet “differenzi eżistenti fi ħdan l-UE” dwar kif l-infrastruttura, it-trasport, l-enerġija, it-telekomunikazzjoni u n-networks diġitali għandhom jiġu utilizzati bl-aħjar mod. Dawn id-differenzi jfixklu l-iżvilupp u l-kompetittività globali tagħha.

Għalhekk, il-Presidenza tixtieq tinsisti għal finanzjament akbar għall-kostruzzjoni ta’ networks infrastrutturali. Trid ukoll tinsisti fuq it-titjib tan-networks tat-trasport trans-Ewropej, filwaqt li tħeġġeġ aktar estensjoni lejn reġjuni ġirien.

Ewropa li tipproteġi

Il-Presidenza Kroata qalet li ser tipprijoritizza s-sigurtà taċ-ċittadini bit-tisħiħ tas-sigurtà interna u l-fruntieri esterni. Qalet ukoll li ser tiffoka fuq li tiżgura l-l-operabbiltà sħiħa tas-sistemi tal-IT u t-tisħiħ tar-reżiljenza għal theddid estern, inklużi attivitajiet ċibernetiċi ibridi u malizzjużi.

“L-għan komuni tagħna jibqa’ li tinstab soluzzjoni komprensiva għal politika ta’ migrazzjoni u ta’ ażil sostenibbli u effettiva,” qalet il-Presidenza Kroata: ser tiffoka fuq it-titjib tal-Unjoni bħala spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, ibbażat fuq valuri komuni bħad-demokrazija u l-istat tad-dritt.

Ewropa influwenti

Il-Kroazja qalet li temmen li l-aħjar mod li bih l-Istati Membri jistgħu jegħlbu l-isfidi tas-seklu 21 huwa permezz tal-qafas tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, l-iżvilupp ulterjuri tal-kapaċitajiet u l-istrumenti għal azzjoni komuni huwa l-uniku mod biex jissaħħaħ ir-rwol ewlieni tal-Unjoni fuq skala globali.

Huwa għalhekk li qiegħda tħeġġeġ it-tisħiħ tal-multilateraliżmu, billi timplimenta l-għanijiet tal-Aġenda 2030 tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Iżvilupp Sostenibbli, u tippromwovi l-valuri u l-interessi Ewropej.

Il-kredibbiltà tal-UE fir-relazzjonijiet internazzjonali hija “riflessa fl-approċċ responsabbli tagħha lejn il-viċinat tagħha stess, mil-Lvant san-Nofsinhar, inkluż ix-Xlokk tal-Ewropa (il-Balkani tal-Punent) fl-inħawi immedjati tagħha”. Għalhekk, il-Presidenza Kroata qalet li ser taħdem għal tkabbir tal-Unjoni li jkun kredibbli u effettiv.

Tagħrif miġbur minn:

IrRappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

81 persuna ġew immultati llum wara li nqabdu fi gruppi t’aktar minn 3 persuni. B’kollox il-multi ammontaw għal €8,100 f’inqas minn 24 siegħa. Dawn il-miżuri ttieħdu mill-Gvern biex tiġi kkontrollata…

COVID-19

Kwarantina obbligatorja b’effett immedjat fiċ-ċentru miftuħ f’Ħal Far fejn jgħixu madwar elf resident. Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne f’konferenza tal-aħbarijiet il-Ħadd filgħaxija. Il-Ministru Fearne qal li…

COVID-19

Wara li d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri ħabbru li r-residenti taċ-ċentru miftuħ f’Ħal Far jinsabu fi kwarantina, huma ressqu appell għal min…

COVID-19

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li tliet pazjenti oħra fiequ mill-COVID-19. Dan ifisser li s’issa fiequ 5 persuni. Huwa ħabbar dan waqt konferenza tal-aħbarijiet. Aktar dettalji fil-ħin li ġej.  

Aktar