Barranin
Ex-champion tad-dinja tal-qdif Taljan imut b’kanċer ta’ 26 sena

L-eks champion tad-dinja tal-qdif Filippo Mondelli, li għen lill-Italja tikkwalifika għall-Olimpjadi ta’ Tokyo, miet fl-età ta’ 26 sena. Huwa miet sena wara li nstab li kellu kanċer fl-għadam ta’ siequ x-xellugija.

Mondelli rebaħ it-titlu tad-dinja fl-2018 u kien ukoll darbtejn champion Ewropew fl-2017.

“L-isport Taljan jinsab imbikkem bil-mewt f’qasir il-għomor ta’ Filippo Mondelli ta’ 26 sena wara battalja twila mal-kanċer,” qal il-Kumitat Olimpiku Taljan li ħabbar uffiċjalment il-mewt taż-żagħżugħ.

Mondelli flimkien ma’ sħabu tat-tim Andrea Panizza, Luca Rambaldi u Giacomo Gentili kienu wasslu lill-Italja biex tikkwalifika għal-Logħob ta’ Tokyo.

Il-President tal-Kumitat Olimpiku Taljan Giovanni Malago sejjaħ lil Mondelli bħala “champion kbir, kemm fl-ilma kif ukoll barra mill-ilma, eżempju ta’ ħila u kuraġġ, xempju tal-valuri li jagħmlu d-dinja sportiva kbira.”

“Dan huwa mument diffiċli għall-isport tal-qdif, għalija, għal sħabu l-atleti u għall-qrabatu u kull min kien jafu,” qal il-president tal-federazzjoni Taljana tal-qdif Giuseppe Abbagnale.

“Il-mewt ta’ Filippo hija inġustizzja kbira miegħu u għall-karriera tiegħu li għebet fix-xejn. Huwa kien żagħżugħ ħabbrieki ħafna u tifel b’karattru qawwi ħafna”, kemm jgħid Abbagnale.